"Iġru 'l barra għax għamlu bomba" – Tfajla Maltija li spiċċat f'nofs attakk terroristiku | One News

Notifiki

“Iġru ‘l barra għax għamlu bomba” – Tfajla Maltija li spiċċat f’nofs attakk terroristiku

“Irrealizzajt x’ġara meta smajt raġel jgħajjat biex jidderiġi n-nies. Qalilna Iġru Iġru l’barra għax għamlu bomba.”

Dan kien kliem Luanne Galea, tfajla Maltija li meta seħħ dak li qed jiġi meqjus bħala attakk terroristiku fi tmiem il-kunċert ta’ Ariana Grande kienet qed tara dan il-kunċert.

Stqarret ma’ one.com.mt li ma setgħetx temmen li kienet tinsab f’tant periklu u li kien ta’ xokk kbir għaliha. Stqarret li lejl li kellha tiftakru għal ħajjitha kollha spiċċa fi traġedja. Traġedja li ma tistax tneħħi minn quddiem għajnejha u li qatt ma bassret li xi darba se tkun qed tesperjenzaha.

“Kien hemm ħafna dmija mal-art, żraben jiġru u ħafna twerżieq ta’ tfal,” spjegat Luanne.

Fil-fatt fost it-22 persuna midruba, kien hemm numru ta’ tfal li l-għajta tagħhom għall-ġenituri tagħhom, din it-tfajla ma tistax tneħħi minn moħha.

“Il-maġġoranza tan-nies kienu tfal ta’ taħt is-sittax-il sena. Tfal li ma kellhomx ġenituri magħhom u li ġew jisimgħu l-kantanta favorita tagħhom. Nista’ nimmaġina x’ħassew dawk il-ġenituri x’ħin saru jafu li fost dak il-ġenn u paniku hemm it-tfal tagħhom.”

Wara din it-traġedja li rat quddiem għajnejha, Luanne, stqarret magħna li żgur mhux se terġa’ tmur kunċert ieħor fil-viċinanzi għax dak li rat u semgħet żgur li qatt ma tista’ tinsih. Hija qalet ukoll li l-ħsieb li xi ħadd mill-persuni għeżież tagħha li kienu magħha f’dan il-kunċert seta’ ġralhom xi ħaġa ukoll huwa ta’ xokk.

“Kull ma ried xi ħadd minnha joħroġ qabel mill-arena, konna viċin ħafna ta’ fejn saret il-bomba, lanqas irrid naħseb.”

Iżda minn din l-esperjenza qarsa, Luanne qalet li tgħalmet li “Alla fejn isibek jieħdok.” Qatt ma kienet temmen li dak li kienet isegwi fuq it-televiżjoni se tispiċċa tesperjenzah hi. “Bħal donnu l-arloġġ jieqaf iżda fl-istess ħin kollox jibda għaddej b’mod mgħaġġel. Dan il-lejl lanqas irqadna u nirringrazzja lil alla li kienet l-aħħar ġurnata u li issa ġejjin id-dar”

Luanne ma kinitx l-unika Maltija preżenti għal dan il-kunċert. 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend