"Bi Gvern sod il-pajjiż jirreżisti l-attakki" – JM | One News

Notifiki

“Bi Gvern sod il-pajjiż jirreżisti l-attakki” – JM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li se tkun qed tingħata importanza lill-kwistjoni tal-Malta Files u l-Gvern se jkun sod fuq id-difiża tas-sistema ta’ tassazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-kumpaniji tal-pajjiż. Il-Prim Ministru tenna li għandna nkunu kburin bis-sistema li għandna f’pajjiżna u li jeħtieġ li nħarsuha.

Il-Prim Ministru spjega li mhux vera li pajjiżna għandu kumpaniji offshore u sigrieta kif qed jiġi rrapportat fl-attakk li qed tagħmel il-midja internazzjonali fuq pajjiżna. Qal ukoll li dan l-attakk ilu jinħema u jaf sar minħabba l-Presidenza Maltija.

Huwa qal li s-sistema finanzjarja ta’ pajjiżna ilha l-istess minn meta sirna membri tal-Unjoni Ewropea u din is-sistema ġiet approvata mill-Kummissjoni Ewropea u l-OECD u għalhekk dan l-attakk għandu l-għan li jagħti daqqa’ lil pajjiżna.

Il-Prim Ministru tenna bi Gvern sod il-pajjiż jirreżisti dawn l-attakki u li għalhekk jeħtieġ li l-pajjiż ikun sod ukoll biex jerġa’ jkun hemm front nazzjonali ta’ difiża lejn is-sistema finanzjarja ta’ pajjiżna.

Muscat saħaq li dawn l-attakki huma fattwalment skorretti għall-aħħar, b’referenza għall-ftuħ ta’ kontijiet tal-bank f’pajjiżna. Il-Prim Ministru qal li pajjiżna jirċievi lmenti minn kumpanija għaliex hija diffiċli biex jinfetaħ kont tal-bank f’pajjiżna dan għaliex il-bankijiet f’pajjiżna qed jagħmlu biċċa xogħol tajba ħafna biex tkun assigurata due diligence.

Fl-indirizz tiegħu f’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, l-Prim Ministru semma’ pajjiżi oħra li sfaw attakkati bl-istess mod li qed jiġi attakkat pajjiżna fosthom il-Lux leaks li kienu mmirati li jattakkaw is-sistemi finanzjarji tal-Lussemburgu. Sostna li dan l-attakk kien studjat u l-għan tiegħu huwa li jagħmel ħsara lil pajjiżna. Għalhekk, il-Prim Ministru saħaq l-importanza li ħadd ma jipprova jagħmel gwadann politiku partiġġjan.

Il-Ministru Edward Scicluna stqarr li kienet ta’ sopriża kbira kif f’daqqa waħda qed isir dan l-attakk meta pajjiżna ma għamel ebda bidla fir-reġim fiskali. Sostna li din l-istorja hija “kallunja kbira” li tpinġi lil Malta bl-iktar kulur iswed li tista’ tagħmel ħsara kbira lis-settur finanzjarju ta’ pajjiżna. Fakkar li pajjiżna huwa l-għira tal-Ewropej f’dan is-settur u għalhekk l-għan ta’ dan l-attakk huwa li jagħmel ħsara lil pajjiżna.

“Li tgħid li ġibna surplus minħabba r-reġim tat-tassazzjoni, meta r-reġim ta’ taxxa ma nbidilx fl-aħħar erbà snin ma tagħmel ebda sens. Ma jagħmilx sens ukoll li jintqal li f’Malta għandna offshore companies meta pajjiżna lanqas biss għandu reġistru offshore,” spjega l-Ministru.

Tenna ukoll li pajjiżna għandu trasparenza akbar minn pajjiżi kompetituri tal-pajjiż u li għandna indiċi ta’ trasparenza għoli li juri aktar biċ-ċar kemm dan l-attakk huwa mmirat li xi pajjiż ieħor jipprova jibbenefika minnu hu. Attakk li sar meta “sabuna maqsumin, għax f’Malta dejjem konna forza waħda biex niddefendu pajjiżna. Jeħtieġ li niddefendu lil pajjiżna flimkien biex nissalvagwardjaw il-ħobż tagħna u ta’ uliedna.”

Min-naħa tiegħdu, d-Direttur tar-Reġistru Pubbliku, Joe Caruana qal li żgur li f’pajjiżna m’għandna ebda 70,000 kumpanija offshore għaliex dawn il-kumpaniji ilhom li nqatgħu u qas għadhom parti mir-reġistru pubbliku. ” Ma nafx minn fejn ġabu din l-informazzjoni totalment ħażina,” temm jgħid Caruana.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend