Indirizzati problemi li kienu jsibu l-bdiewa – One News

Notifiki

Indirizzati problemi li kienu jsibu l-bdiewa

Fil-ġranet li ġejjin, il-bdiewa Maltin se jkollhom mezzi ġodda li bihom jistgħu jiksbu l-artijiet privati u tal-gvern mingħajr l-intoppi li jaffaċċjaw s’issa. Dan bħala parti mir-riforma fil-liġi tal-artijiet li saret minn Gvern Laburista.

Hu stmat li hawn madwar erba’ u disgħin elf biċċa art żgħira mifruxa  madwar pajjiżna u f’ ħafna każijiet il-bdiewa jkollhom artijiet sparpaljati. Bil-bidla fil-liġi se jkun possibbli li l-bdiewa jpartu l-artijiet bejniethom biex b’hekk l-art li jaħdmu tkun ikbar u l-investiment li ma setax isir minħabba ċ-ċokon, isir u jrendi.

Sa issa bidwi seta’ jgħaddi biss l-art li jaħdem lill-uliedu, iżda bil-bidla introdotta mill-gvern, il-bdiewa jistgħu jgħaddu l-art lil bdiewa oħra li jaħdmu magħhom jew membri tal-familja oħra, basta l-art tibqa’ tintuża għal skopijiet agrikoli.

It-tielet bidla fil-liġi tal-art agrikola hi immirata biex tgħin bdiewa ġodda jidħlu fis-settur. Hu stmat li għal kull bidwi taħt il-35 sena, hawn għaxra ta’ ‘l fuq minn 55 sena u dan primarjament minħabba d-diffikulta biex bdiewa żgħażagħ jiksbu l-art minħabba l-prezz għoli. Għalhekk il-gvern se jagħmilha possibbli li dawn jieħdu l-art mill-gvern jew mill-privat bi prezzijiet favorevoli.

Is-segretarji Parlamentari Deborah Schembri u Roderick Galdes, li ħabbru dawn il-bidliet fil-liġi saħqu li kien hemm bżonn kbir li l-liġijiet arkajki f’dan is-settur jinbidlu biex iżommu s-settur tal-agrikoltura ħaj. Għamluha ċara wkoll li l-bidla fil-liġi se tapplika għall-eluf ta’ applikazzjonijiet ta’ trasferimenti ta’ artijiet li diġa hemm u li issa dawn se jitħaffu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend