Waqt li qed iwiegħed qed ikompli jwettaq | One News

Notifiki

Waqt li qed iwiegħed qed ikompli jwettaq

“Matul din il-kampanja elettorali bdejna b’85% tal-manifest elettorali tal-Partit Laburista mwettaq, illum nista’ ngħid li 90% tal-manifest twettaq.”

Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat f’intervista fuq ONE RADIO li matula spjega li l-ħidma tal-Gvern ma waqfitx tul dawn il-ġimgħatejn u li issa l-maġġoranza assoluta tal-wegħdi li l-Partit Laburista għamel fl-2013 ġew imwettqa fi żmien erba’ snin.

Iżda l-Prim Ministru tenna li n-nies, dan il-Moviment mhux qed jgħidilhom biex jivvotaw biss għax il-Partit Laburista jwettaq dak li jwiegħed iżda għax qed ipoġġi quddiem il-poplu proposti costed u kredibbli.

Din turi d-differenza bejn Partit u ieħor, spjega l-Mexxej Laburista, għaliex ħaddieħor jitkellem bla pjan fattibbli, mingħajr costings u bl-addoċċ. Iżda l-Partit Laburista, spjega Muscat, mhux se jkun qed jagħmel irkant ta’ proposti iżda qed iwiegħed proposti ċari li jistgħu jsiru.

Hawnhekk, għamel referenza għall-wegħdi li tħabbru llum li fiċ-ċentru tagħhom għandhom l-anzjani u l-familji. B’referenza għall-proposti dwar il-familji tenna li l-għan ewlieni ta’ Gvern Laburista ikun li minkejja li l-faqar naqas bid-doppju, dawk id-19,000 persuna li għandhom fi stat ta’ deprivazzjoni jinħarġu mill-faqar ukoll. Dan mhux biss bil-benefiċċji soċjali iżda anke permezz ta’ iżjed impjiegi u miżuri ta’ traħħis.

“Aħna rridu li t-tkabbir ekonomiku, jgawdi minnu kulħadd. Kuntrarju għal budgets li kien jagħmel Gvern preċedenti aħna nassiguraw li nagħtu aktar lin-nies. Illum għandna s-sodda mifruxa li fuqha nistgħu nkomplu naħdmu.”

Fil-fatt, il-Prim Ministru qal li Gvern Laburista, fost oħrajn, se jkun qed jgħin lil kull forma differenti ta’ familja. Bi Gvern Laburista jkun qiegħed iwettaq wegħdi fost oħrajn għal familji li jaddottaw u familji foster.

Fi tmiem l-intervista l-Prim Ministru tkellem dwar id-dibattitu bejn il-Mexxejja politiċi li sar fl-Università lbieraħ u uża l-għaġir tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex ifiehem l-għażla li għandu quddiemu l-poplu.

“Jew kap tal-Oppożizzjoni li jaħli l-ħin fuq it-tgħajjir u ma jwiġibx dwar il-proposti. Il-Poplu għandu għażla quddiemu; jew Joseph Muscat jew koalizzjoni ta’ konfużjoni li llum m’għadhiex tad-daħk għax jaf tkun fit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż. Tmexxija li tista’ ġġib biss instabbiltà kbira.”

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend