Il-ħolm ta' Joseph Muscat | One News

Notifiki

Il-ħolm ta’ Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat huwa bniedem li joħlom.  Ta’ spiss ifakkarna fil-ħolma li għandu, il-ħolma li jsejħilha ħolma Maltija, u jwegħdna li din il-ħolma jrid jagħmilha realtà.  Imma Joseph Muscat hemm bżonn jifhem, li mhux kull ħolma tista’ ssir realtà.  Inutli, sur Prim Ministru, tibqa’ toħlom li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil xi darba se jgħidlek li huwa jkun lest jirriżenja jekk int toħroġ (kif jgħidu l-Ingliżi) with flying colours mill-inkjesta dwar il-każ tal-kumpanija Egrant.

Inutli tgħidlu biex ikun raġel, għax raġel mhuwiex.  Li kien raġel u żamm kelmtu, kieku illum, fuq il-lista tal-kandidati tal-Partit Nazzjonalista m’hemmx l-ismijiet ta’ Jason Azzopardi, Beppe Fenech Adami, Toni Bezzina, u Claudio Grech. Anzi, li kien raġel, lanqas ismu m’hemm fuq il-lista tal-Partit Nazzjonalista.

Simon Busuttil kien wegħdna li juri l-bieb ta’ barra lil kull min fih ikun hemm l-iċken suspett li għamel xi ħaġa ħażina.  Li abbuża.  Minkejja din id-dikjarazzjoni, Simon Busuttil baqa’ b’idejh fuq żaqqu u ma ħa l-ebda passi kontra dawk li semmejt qabel.

Ma għamel xejn fil-każ ta’ Jason Azzopardi li saħanistra anke l-Awditur Ġenerali qal li għandu jerfa’ responsabbiltà fil-każ tal-art tal-Lowenbrau.

Ma għamel xejn fil-każ ta’ Claudio Grech li miskin nesa’ li kien iltaqa’ ma’ Gorg Farrugia li huwa nvolut fl-iskandlu tax-xiri taż-żejt.

Baqa’ b’idejh fuq żaqqu fil-konfront ta’ Toni Bezzina li nstab li bagħat ħaddiema tal-Gvern jagħmlu xogħol fil-każin Nazzjonalista taż-Żurrieq.

Lanqas iċċaqlaq meta minn inkjesta li saret minn tliet ex-Imħallfin irriżulta li l-istħarriġ dwar il-kumpanija Capital One twaqqfu ħesrem hekk kif kien tfaċċa isem Beppe Fenech Adami, anke jekk l-Imħallfin qalu li ma jeskludux li jista’ jkun li l-istħarriġ waqaf  propju għax tfaċċa isem Beppe Fenech Adami.

Li kien raġel, Simon Busuttil kien jirriżenja minn Kap hekk kif sar magħruf bl-aktar mod ċar li fl-iskandlu PagiPN hu kien involut b’ruħu u ġismu għax kien hu li għamel il-ftehim mad-DB Group, minkejja li kien jaf li dan il-ftehim kien jikser il-liġi tal-finanzjament tal-partiti. Kien hu li ftiehem li biex jinħeba l-ksur tal-liġi, jinħarġu dokumenti foloz.  Kien hu li l-ewwel qal li kien se jiddefendi l-każ quddiem il-Kummissjoni Elettorali (għax m’għandu xejn x’jaħbi), imbagħad mar il-Qorti biex iwaqqaf l-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea.

Tibqax toħlom, sur Prim Ministru, li Simon Busuttil xi darba se joħroġ ta’ raġel!

Ta’ QabelLi Jmiss
Felix Agius twieled fil-21 ta’ Marzu, 1948. Studja fl-Iskola Primarja ta’ Ħaż-Żabbar, imbagħad kompla l-edukazzjoni sekondarja u terzjarja fil-Liċeo tal-Ħamrun. Aktar tard kiseb diploma fil-Ġurnalizmu mill-International Institute of Journalism ta’ Berlin. Agius beda l-karriera fil-ġurnalizmu madwar 50 sena ilu, meta ngħaqad mal-ġurnal tal-Partit Laburista ‘Iż-Żmien’ li kien jinħadem u jkun stampat fil-Freedom Press. Wara huwa ingħaqad mal-Union Press bħala sub-editor mal-ġurnal bl-Ingliż ‘Malta News’. Għamel xi żmien fid-Dipartiment tal-iSports qabel fl-1981 inħatar editor tal-ġurnal ‘l-Orizzont’. Dam f’din il-kariga aktar minn 11-il sena, għax fis-sena 1993 huwa ingħaqad mal-gazzetta ‘KullĦadd’, (ukoll tal-Partit Laburista) bħala Editur Eżekuttiv, liema kariga dam jokkupaha sakemm irtira mix-xogħol disa’ snin ilu.

Send this to a friend