Busuttil ma jafx x’sar fil-Parlament; dwar l-annimali reġa’ wiegħed dak li sar – One News

Busuttil ma jafx x’sar fil-Parlament; dwar l-annimali reġa’ wiegħed dak li sar

F’dawn l-aħħar erbà snin sar ħafna xogħol f’dawk li huma drittijiet tal-annimali minn Gvern Laburista, xogħol li minkejja li qatt ma sar taħt amministrazzjoni preċedenti, Simon Busuttil kellu biss kritika għalih. Iżda, llum dwar dan is-settur m’hu qed jipproponi ebda proposta konkreta; minflok wiegħed proposti li 99% tagħhom diġà twettqu jew qed isiru fil-preżent.

Dan kien kliem is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes, li f’konferenza tal-aħbarijiet ta elenku tal-proposti li ħabbar il-Partit Nazzjonalista dwar l-annimali. Elenku li juri kif dak li qed jipproponi Simon Busuttil jew diġà twettaq jew qal li ma jistax isir fil-Parlament minkejja li Gvern Laburista wettqu.

Fost oħrajn, Galdes għamel referenza għall-proposta ta’ Busuttil li se jgħin lis-santwarji tal-annimali. Li Gvern Laburista mhux biss ta għajnuna lis-santwarji iżda ħoloq għall-ewwel darba ukoll santwarji ġodda.

“Qed iwiegħed xi ħaġa li diġà qed issir u se tkompli ssir. Għall-ewwel darba Gvern Laburista ħoloq santwarju ġdid għall-qtates CCSEF u l-Malta Horse Sanctuary li huwa l-ewwel santwarju għaż-żwiemel fuq art tal-Gvern. Fejn qabel kellna santwarji li jibku lill-Gvern għall-għajnuna, llum għandna skema ta’ għajnuna strutturata, finanzjata u trasparenti,” spjega s-Segretarju Parlamentari.

Saret referenza ukoll għat-twaqqif ta’ ċimiterju u krematorju għall-annimali domestiċi li qed iwiegħed Simon Busuttil.

“B’din il-proposta qed iqarraq, din kienet Proposta tal-Partit Laburista li dwarha ħdimna ħafna. Sakemm aħna konna għaddejjin bil-ħidma, l-membri parlamentari Nazzjonalisti kienu qed jakkużawna bi qtil tal-annimali meta aħna qed noffru l-opportunità lill-familji li jidfnu l-annimali tagħhom b’dinjità.”

Fil-fatt, is-sit għal dan iċ-ċimiterju diġà ġie identifikat u meta George Pullicino, spjega Roderick Galdes, kien qed jgħid li dan ma jistax isir minħabba Direttivi Ewropej Gvern Laburista kien kiseb il-permessi meħtieġa u ħareġ it-tenders.

“Għalhekk, Simon Busuttil anke dwar dan m’hu qed jipproponi xejn ġdid, qed jipproponi dak li se jkun twettaq u konkluż fi ftit xhur.”

Iżda Simon Busuttil, ma jafx x’ġara fil-Parlament hekk kif qed jipproponi proposta li għaddiet fil-Parlament u qed tiġi diskussa fil-kumitat Parlamentari. Dan b’referenza għall-proposta li jiġi pprojbit l-użu ta’ shock collars kif ukoll regolat l-irbit għal tul ħin ta’ twil tal-annimali. “Simon Busuttil ħela erbà snin jgħajjar u jitlaq ‘il barra mill-Parlament, għalhekk ma jafx li din diġà qed titwettaq minn Gvern Laburista.”

Anke fejn propona li jneħħi mis-suq pestiċidji li qed jintużaw biex jinqatlu l-annimali, Simon Busuttil irid imur kontra Direttivi Ewropej għall-voti, meta li għandu jsir, spjega Roderick Galdes huwa li jitwaqqfu l-persuni li jagħmlu dan.

“Ġieli intużat mediċina tal-bniedem biex jiġu vvelenati l-annimali, allura x’nagħmlu nħallu lin-nies mingħajr mediċina? Simon Busuttil huwa maqtugħ mir-realtà.”

Min-naħa tiegħu l-kandidat Laburista, Byron Camilleri, ta elenku ta’ aktar proposti li qed jipproponi Simon Busuttil li juru li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma kkonsulta ma ebda NGO u mhux informat x’qed jiġri fil-Parlament.

Fosthom bil-proposta li jintroduċi liġi fuq iż-żamma ta’ annimali eżotiċi, liġi li daħħal għall-ewwel darba Gvern Laburista u li rregolat dak li qabel anqas kien qed jiġi regolat. L-istess meta propona Kunsill tal-Animal Welfare, kunsill li ddaħħal minn Gvern Laburista u li kull NGO tal-annimali huwa rappreżentat fil-Kunsill.

“Din mhux l-ewwel darba matul din il-kampanja elettorali li qed naraw lil Simon Busuttil jirriċikla ideat u proposti li diġà ġew implimentati matul din il-leġiżlatura. Dan il-pajjiż ma jixraqlux hekk – Koalizzjoni ta’ konfużjoni li moħħa biss biex titlaq ‘il barra mill-Parlament.”

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend