Busuttil imexxi establishment li ma jridx liġi | One News

Notifiki

Busuttil imexxi establishment li ma jridx liġi

L-attitudni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista u esponenti minn tiegħu hija perikoluża ferm. Hija konferma ta’ għaliex m’għandux ikollhom il-poter wara t-tlieta ta’ Ġunju. Għax dan huwa establishment li għalih ma jridx liġi. Mhux darba u tnejn Simon Busuttil qal li lest jikser liġijiet u dan hu rifless fil-mod kif il-partit tiegħu u esponenti ewlenin iġibu ruħhom.

Minn affarijiet żgħar għal affarijiet ikbar.

Nibdew bl-eżempju tal-preżentazzjoni tal-programmi minn kandidati fi żmien kampanja elettorali. David Thake u Norman Vella kellhom jobdu r-regoli tal-Awtorità tax-Xandir u jieqfu jxandru. Regoli li saru fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista u kienu osservati dejjem. Iżda, Simon Busuttil ma jridx jaf. Irid joħloq kampanja mill-osservanza tal-liġi.

Issa mhux se nidħol fil-mertu li kollox jindika li l-iktar li pprotestaw kontra tagħhom kienu l-istess kandidati Nazzjonalisti, tant li sa ftit ġimgħat ilu tant kien hemm pressjoni interna li kienu se jitwaqqfu. Fil-fatt kien għax Daphne Caruana Galizia ma riditx hekk li ma sarx hekk u Ann Fenech ċemplitilha sserħilha rasha. F’erba’ snin Simon Busuttil qatt ma qal li din il-liġi għandha tinbidel, iżda meta tkun osservata jrid jidher qed jisfida. Għax perikoluż. Għax medhi joħloq il-kunflitt. Naturalment, xtaqt li jibqgħu. Kienu jgħinu mhux ftit lill-Partit Laburista bl-attitudni tagħhom.

Imbagħad hemm is-sejħa lill-ġurnalisti biex jixhdu wara ilment kriminali. Hawn ukoll bħal donnu kulħadd ippretenda li ma jissejħux. Għax taf int meta sejħulhom wara li tkellmet ir-Russa għoġbithom u ftaħru li marru, iżda issa għax f’ilment li fetħu Pilatus Bank irridu ngħidu li oppressjoni. Naturalment, il-ġurnalist għandu kull dritt ma jikxifx is-sors iżda daqstant ieħor kellha obbligu l-Maġistrat li tistħarreġ. Niftakar li meta kien hemm l-iskandlu taż-żejt –  l-ikbar skandlu politiku fl-istorja ta’ pajjiżna – li indirettament Simon Busuttil gawda xi ftit minnu wkoll, Saviour Balzan qatt ma ddejjaqx imur jixhed.

Iżda, issa le. Simon Busuttil u l-Partit Nazzjonalista jridu jagħmlu kwistjoni. Għax perikolużi. Għax iridu l-inwkiet.

Dan bħal meta fuq gidba ħarġu n-nies fit-toroq. Dan bħal meta ħadu n-nies il-Qorti fuq kwerela kriminali kontra Jason Azzopardi anke jekk bħalha huma stess kienu għamlu għexieren.

Qegħdin ftit jiem qabel l-elezzjoni u l-poplu għandu għażla jekk jagħżilx establishment li ma jridx il-liġi jew partit li ħadem kemm felaħ għal dan il-pajjiż anke jekk seta’ għamel xi żbalji, fosthom li seta’ kien dgħajjef quddiem dawn il-ħniżrijiet. Forsi iktar milli kien dgħajjef kien iffokat biex joħloq il-ġid u jqassmu għax fehem li dan il-pajjiż progress irid u mhux logħob perikoluż ta’ min għandu kilba kbira għall-poter. Fehem dakinhar u qed jifhem illum. Għalhekk fit-3 ta’ Ġunju għażla waħda hemm.

Ta’ QabelLi Jmiss
F’dan il-blog Aleander Balzan se jkun qiegħed jikteb ħsibijietu dwar temi differenti li jkunu għaddejjin f’pajjiżna; mill-politika għal temi soċjali u oħrajn kontroversjali. Min jaf lil Aleander jaf li huwa dritt għal punt u dak li għandek tistenna f'dan l-ispazju. Huwa gradwa fl-Istudji Ewropej, il-Komunikazzjoni u l-Politika mill-Università ta’ Malta

Send this to a friend