Il-GWU Youths tagħraf l-impenn tal-Partit Laburista bi proposti favur iż-żgħażagħ | One News

Notifiki

Il-GWU Youths tagħraf l-impenn tal-Partit Laburista bi proposti favur iż-żgħażagħ

Il-GWU Youths fi stqarrija qalet li tilqa’ b’mod pożittiv il-proposti għall-elezzjoni ġenerali tat-tlieta ta’ Ġunju li ġej li qegħdin jikkonsolidaw il-pedamenti għall-ġejjieni tal-ġenerazzjoni żagħżugħa f’pajjiżna.
Qalu li l-proposta ta’ eżenzjoni minn ħlas ta’ taxxa għal dawk li jiksbu Masters jew Phd hija fid-direzzjoni t-tajba biex tgħin liż-żgħażagħ ikomplu jistudjaw u/jew jispeċjalizzaw fil-professjoni tagħhom. Dan għandu jgħin biex pajjiżna jkompli jżid il-livell ta’ edukazzjoni tal-ħaddiema tiegħu.
Il-GWU Youths bi pjaċir laqgħat l-aħbar li gvern ġdid laburista jsewwi l-inġustizzja ma’ eluf ta’ studenti tal-MCAST li se jibdew jigwadanjaw minn paga minima sħiħ tul il-perjodu li huma jagħmlu bħala apprentisti. Dan jgħin biex jagħti aktar dinjità lill-istudenti u ma jħossuhomx li huma anqas minn ħaddieħor.

Il-GWU Youths bi pjaċir laqgħat wkoll l-aħbar li fil-leġiżlatura li jmiss, jekk ikun Gvern Laburista, jitneħħew il-miżati tal-eżamijiet tal-Matsec u Sec. Dan se jgħin biex aktar studenti jkollhom l-opportunità reali li jagħmlu dawn l-eżamijiet li jiddeterminaw il-ġejjieni tagħhom, billi jnaqqsu l-piż fuq il-familji bi dħul baxx.
F’dak li għandu x’jingħad dwar il-qasam tal-housing, il-proposta tal-Partit Laburista ta’ għajnuna mill-gvern biex il-koppji jkunu jistgħu jagħtu d-depożitu fuq l-ewwel dar tagħhom se tgħin bis-sħiħ lil dawk il-koppji li jkollhom diffikultajiet biex jagħtu l-ammont ta’ depożitu meħtieġ. Din il-proposta għalhekk tiggarantixxi l-opportunità li kulħadd jista’ jsir sid ta’ daru. Min-naħa l-oħra l-GWU Youths tinnota b’sodisfazzjon li l-Partit Nazzjonalista qed jagħti l-assikurazzjoni tiegħu li se jkun qed iżomm l-inċentivi introdotti f’din il-leġiżlatura biex jgħinu lil dawk il-koppji żgħażagħ li jridu jixtru l-ewwel dar tagħhom. 
Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend