WEGĦDA: Gvern Laburista jattira aktar negozju u investiment lejn pajjiżna – One News

Notifiki

WEGĦDA: Gvern Laburista jattira aktar negozju u investiment lejn pajjiżna

Il-Partit Laburista illum ħabbar numru ta’ wegħdi oħra li se jkunu qed jassiguraw li n-negozji li joperaw f’pajjiżna jkomplu jimxu ‘l quddiem b’ottimiżmu kif għamlu konsistentament f’dawn l-aħħar erbà snin.

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat sostna li dan il-Gvern kien bil-fatti pro-business u se jibqa’ jkun hemm ladarba jerġa’ jingħata l-fiduċja. Joseph Muscat qal li l-Partit Laburista għandu road-map ċara għan-negozju f’pajjiżna.

Min-naħa tiegħu l-Ministru Chris Cardona qal f’konferenza tal-aħbarijiet li f’dan is-settur, Gvern Laburista għandu l-kreddibilità għaliex il-viżjoni li poġġa quddiem il-poplu erbà snin ilu twettqet.

Il-Ministru Emmanuel Mallia qal li dawn il-proposti huma xhieda ta’ kemm il-Partit Laburista fil-Gvern baqa’ viċin tan-negozjanti u għalhekk qed iressaq proposti li se jkunu qed jiffaċċilitaw in-negozji f’pajjiżna.

“Jekk tkun favur in-negozju, tkun favur il-ħaddiem. L-ewwel noħolqu l-ġid u issa l-ġid se jkompli jitqassam ma’ kulħadd.”  – JM

Il-wegħdi tal-Partit Laburista:

AĊĊESS GĦALL-KREDITU

Gvern Laburista se jkun qed jassigura li n-negozji, partikolarment dawk ta’ daqs żgħir u medju, jkollhom aċċess ġust għal kreditu mill-banek kummerċjali

Għal dan l-iskop Gvern Laburista se jkun viġilanti u jixpruna inizjattivi, anke permezz tal-Bank tal-Iżvilupp, mal-banek kummercjali sabiex jiġi assigurat li dawn iżommu r-rwol tagħhom li jinċentivaw l-investiment għaqli, fil-parametri ta’ dak li jagħmel sens, biex ikun sostnut l-investiment min-negozji ż-żgħar u medji.

B’referenza għal din il-wegħda l-Prim Ministru qal li din se tkun l-isfida ewlenija, biex in-negozji Maltin jkollhom aċċess aħjar għall-kreditu iżda Gvern Laburista se jkun proattiv permezz tal-Bank Malti għall-iżvilupp li se jibda jopera biex jagħti għad-diżpożizzjoni fondi lill-banek kummerċjali li se jkunu qed jagħtu fondi ta’ finanzjament lin-negozji żgħar u medji.

PAGAMENTI MILL-GVERN FIL-ĦIN

Il-Partit Laburista huwa konxju li ħafna min-negozji li jagħtu servizzi lill-Gvern u/jew entitajiet pubbliċi, jiffaċċjaw diffikultajiet minħabba li jdumu biex jitħallsu. Il-Prim Ministru Joseph Muscat spjega li dan mhux sewwa u minkejja li hemm il-Late Payments Directive, dan jimpinġi finanzjarjament jew ifisser tnaqqir fil-profitti tagħhom minħabba dan id-dewmien.

Għalhekk, Gvern Ġdid kommess li jiffaċja din il-problema billi awtomatikament japplika l-late payment directive u r-rati tal-interess fuq pagamenti b’lura lil dawn il-kumpaniji Ikun hemm ukoll Key Performance Indicators importanti li d-dipartiment u/jew entità tkun trid tilħaq.

RIFORMA FIL-LIĠI TAL-KERA BIEX TIPPROTEĠI N-NEGOZJI

Gvern Laburista fil-Gvern se jkun qed jaġġorna l-liġi tal-kera bil-ħsieb li jagħti aktar saħħa legali lill-inkwilin li jopera ħanut Ir-riforma tkun sensittiva wkoll għan-numru ta’ snin li l-ħanut ikun ilu mikri kif ukoll għan-numru ta’ impjegati.

Il-Prim Ministru spjega li numru ta’ negozji preżentament qed jgħixu f’inċertezza. Għalhekk, Gvern Laburista se jkun qed jassigura riformi bilanċjati.

BREXIT TASK FORCE

Gvern Laburista se jkun qed iwaqqaf BREXIT Task Force bejn il-Gvern, Malta Enterprise u s-settur privat. Bl-għan prinċipali huwa dak li din it-taskforce:

 – Tagħraf tieħu kull opportunità possibbli li tista’ ġġib lejn pajjiżna investiment u ħolqien ta’ impjiegi

 – Il-pajjiż ikun lest għall-isfidi li joħorġu minn dan il-proċess.

TRESHOLD TAL-VAT

Se tiġi aġġornata it-threshold biex negozji żgħar jikkwalifikaw bħala Tax Exempt mill-VAT Dan it-threshold ilu madwar 18-il sena ma jkun aġġornat. It-threshold ta’ €14,000 jitla’ għal €20,000.

Għalhekk, dawn in-negozji se: Jiffrankaw €1,080, Jgawdu minn nuqqas ta’ burokrazija billi ma jkollhomx bżonn aktar jibgħatu l-formoli tal-VAT

Dan it-treshold ilu madwar 18-il sena ma jkun aġġornat

SKEMI U PROGRAMMI MICRO INVEST

Gvern Laburista fil-Gvern se jkun qed jestendi u jtejjeb l-iskemi u programmi Micro Invest billi tiżdied l-valur tal-assistenza:

  • Minn €30,000 għal €50,000 għal intrapriżi ibbażati Malta
  • Għal €70,000 għal negozji bbażati f’Għawdex
  • Għal €70,000 għal negozji b’maġġoranza ta’ isħma f’isem in-nisa jew self employed mara

Din l-iskema tinfetaħ ukoll għal negozji li jimpjegaw mhux aktar minn 50 fulltime (flok 30). Filwaqt li jiġu estiżi l-iskemi B.Start.

MALTA BUSINESS COUNCIL

Gvern Laburista se jkun qed iwaqqaf l-Malta Business Council, ippresedut mill-Kummissarju għas-Simplifikazzjoni u Tnaqqis tal-Burokrazija. Dan il-Kunsill se jkun qed jaħdem flimkien mas-settur privat u l-istakeholders involuti biex iservi ta’ xprun fuq il-Gvern u s-Settur Pubbliku fil-ġlieda għat-tnaqqis tal-burokrazija żejda.

Il-Prim Ministru tenna li jeħtieġ li ssir aktar ħidma biex titnaqqas il-burokrazija, biex jiġi iffaċilitat il-proċess biex wieħed jiftaħ negozju f’pajjiżna.

KOMPETIZZJONI ĠUSTA 

Il-Partit Laburista jwiegħed li se jkun qed isaħħaħ il-kontrolli fil-postijiet ta’ żbark ta’ merkanzija u fil-portijiet. Dan biex jiġi assigurat level playing field u kompetizzjoni ġusta partikolarment f’dak li qiegħed jiġi mpurtat bil-baħar f’pajjiżna.

DESTINATION HUB GĦAL START-UPS

Gvern Laburista, permezz ta’ entità mwaqqfa apposta se jkun qed jidħol fi strategic partnerships ma’ accelerators internazzjonali ewlenin bl-għan li jiġu identifikati start ups li jistgħu jirrikolaw f’Malta. Se jkun qed jitwaqqaf ukoll startup campus fi Smart City biex l-istartups li jagħżlu pajjiżna jkunu jistgħu joperaw fl-immedjat.

Dan se jkun qed jattira aktar investituri biex jagħżlu Malta bħala l-post fejn iwaqqfu l-istartup tagħhom. 

Se jkunu qed jiġu ukoll eżentati mit-taxxa l-ewwel trasferimenti ta’ ishma f’isem il-fundaturi tal-istartup li tiġi mwaqqfa Malta.

L-għan ewlieni hu li pajjiżna jsir destinazzjoni u hub għal startups.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend