Se jibgħatuh jixxejjer | One News

Notifiki

Se jibgħatuh jixxejjer

Min jaf kif se jitwaħħxu tal-Organisation for Security and Cooperation in Europe (OSCE) malli l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil jgħidilhom li għandu suspetti ta’ tbagħbis fil-voti fl-elezzjoni li gejja?!

M’għandhix dubju li se jkunu serji u jinvestigaw. U x’se jsibu meta jinvestigaw?

L-ewwel u qabel kollox se jsibu li l-elezzjoni f’Malta titmexxa minn Kummissjoni Elettorali li hija ffurmata minn rappreżentanti taż-żewġ partiti ewlenin, liema rappreżentanti huma ugwali u magħżula mill-partiti nfushom.

Se jsibu li f’kull pass li jsir – il-partiti jkunu mgħarrfa b’kollox, propju biex ikunu jistgħu jissorveljaw kollox.  Kemm jekk stampar ta’ dokumenti tal-voti; kemm jekk stampar tal-polza tal-vot; insomma, kif konna ngħidu:  Pass wara pass – kollox taħt skrutinju – ngħidlu jien – esaġerat.

Se jsibu li saħanistra meta jitqassmu d-dokumenti tal-voti – bieb bieb – ikun hemm rappreżentant ta’ kull partit jakkumpanja lill-Pulizija li jqassam il-voti – li ma jmurx il-Pulizija jkollu xi vot doppju – jew li xi dokument tal-votazzjoni jingħata lil xi persuna li ma tkunx intitolata għalih.

Se jsibu li fil-jum tal-votazzjoni – kull dokument tal-votazzjoni se jkun analizzat – eżaminat – skrutinjat – u ma nafx x’iżjed – minn rappreżentanti tal-partiti li jkunu qegħdin jikkontestaw l-elezzjoni – minbarra dawk ‘l-indipendenti’ magħżula mill-Kummissjoni Elettorali. Inkella nini nini tingħata polza tal-vot biex tkun tista’ tivvota u tagħmel l-għażla tiegħek.

Se jsibu – fi ftit kliem – li mkien fid-dinja m’hawn din il-fissazzjoni.

U lil Simon Busuttil – jibgħatuh jixxejjer.

Ta’ QabelLi Jmiss
Felix Agius twieled fil-21 ta’ Marzu, 1948. Studja fl-Iskola Primarja ta’ Ħaż-Żabbar, imbagħad kompla l-edukazzjoni sekondarja u terzjarja fil-Liċeo tal-Ħamrun. Aktar tard kiseb diploma fil-Ġurnalizmu mill-International Institute of Journalism ta’ Berlin. Agius beda l-karriera fil-ġurnalizmu madwar 50 sena ilu, meta ngħaqad mal-ġurnal tal-Partit Laburista ‘Iż-Żmien’ li kien jinħadem u jkun stampat fil-Freedom Press. Wara huwa ingħaqad mal-Union Press bħala sub-editor mal-ġurnal bl-Ingliż ‘Malta News’. Għamel xi żmien fid-Dipartiment tal-iSports qabel fl-1981 inħatar editor tal-ġurnal ‘l-Orizzont’. Dam f’din il-kariga aktar minn 11-il sena, għax fis-sena 1993 huwa ingħaqad mal-gazzetta ‘KullĦadd’, (ukoll tal-Partit Laburista) bħala Editur Eżekuttiv, liema kariga dam jokkupaha sakemm irtira mix-xogħol disa’ snin ilu.

Send this to a friend