“Ma tista’ qatt twiegħed l-affarijiet mingħajr ma’ taf kemm jiswew” – JM – One News

Notifiki

“Ma tista’ qatt twiegħed l-affarijiet mingħajr ma’ taf kemm jiswew” – JM

“Ma tista’ qatt twiegħed l-affarijiet mingħajr ma’ taf kemm jiswew. Din hija riċetta tipika tal-Partit Nazzjonalista.”

Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat f’intervista fuq ONE RADIO b’referenza għad-diskors ta’ Simon Busuttil li qal li l-“costings m’humiex l-ewwel prijorità.”

Il-Prim Ministru qal li eżempju ċar ta’ l-importanza li Kap ta’ Partit jpoġġi quddiem l-elettorat il-wegħdi tiegħu ladarba jkunu costed hija l-proposta ta’ Simon Busuttil taċ-childcare.

“L-Oppożizzjoni qed toffri childcare b’xejn lil kulħadd, ifisser nefqat ta’ aktar minn €40 miljun flok it-€12-il miljun li qed iħaddmu s-sistema preżenti. Simon Busuttil ma qalx minn fejn se jġib dawn il-flus.”

Joseph Muscat spjega li b’din il-proposta perikoluża, Simon Busuttil ikun qed joħloq nasba tal-faqar u jkun qed tkisser dak kollu li rnexxielu jikseb Gvern Laburista, biex illum aktar nisa qed jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

“In-nisa kolla li nafu, jridu jużaw iċ-childcare, biex imorru jaħdmu u fejn hemm ġenituri b’każijiet serji  ta’ saħħa, is-sistema preżenti diġà qed tassigura li t-tfal tagħhom jiġu aċċettatti,” spjega l-Prim Ministru.

Għalhekk, il-Prim Ministru tenna li hemm żewġ toroq x’jista’ jieħu Simon Busuttil fil-Gvern:

“Jew wara elezzjoni jivvinta kull skuża biex ma jwettaqx u jidħak bin-nies, bħal ma daħku ta’ qablu meta kien jikteb il-manifest hu jew jgħolli t-taxxi u kontijiet biex ikun jista’ jwettaqhom.”

Taċ-childcare mhijiex l-unika proposta li turi li Simon Busuttil huwa maqtugħ mir-realtà tan-nies, għaliex dalgħodu ħabbar “li se jagħti lura flus lil persuni li żdieditilhom bi ftit il-kirja tal-housing, ta’ din in-nies diġà rċivew iċ-ċekk u Simon Busuttil għadu qas induna li proposta li għamel hu diġà qed iwettaqha Gvern laburista.”

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista qal li “qed nwegħdu aħna mhux bl-addoċċ, imma iffukat u bi ħsieb.”

Iżda aktar wegħdi se jkunu imħabbra fil-jiem li ġejjin bil-pass kbir li jmiss, spjega l-Prim Ministru huwa l-Kungress tal-Partit Laburista li se jkun qed jibni fuq il-proposti li diġà saru.

“Bla dubju, hemm ideat li se joħorġu mill-kungress tal-Partit Laburista , li wara li l-kungress japprova l-linji gwida, l-Partit Laburista jniedi l-manifest elettorali.” 

B’referenza għal dawk il-persuni li qed jesperjenzaw xi diffikultà u sa issa għadha ma ġietx indirizzata, l-Mexxej Laburista qal li dan il-Gvern ladarba jingħata l-fiduċja se jkompli jaħdem biex kull min jaħdem jieħu dak li ħaqqu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend