Konfużjoni | One News

Notifiki

Konfużjoni

Konfużjoni – M’hemmx kelma aħjar li tgħaqqad il-kampanja elettorali tal-PN s’issa. Iżda ejja immorru pass qabel. L-ewwel kellna l-koalizzjoni mal-PD. Nofs informazzjoni dwar il-ftehim li għamlu u ħafna mistoqsijiet fuq il-mod ta’ kif se jkunu qed jidhru fuq il-polza tal-vot. Malli dik ġiet mifthema, issa ma nafux min huwa l-kap ta’ din il-koalizzjoni, fejn Simon jgħid mod, waqt li Marlene tgħid ieħor, bħal per eżempju fil-każ taż-żieda fil-minimum wage u l-famuża press conference fejn Simon Busuttil nixef jgħid lil Marlene ‘ippermettili’ filwaqt li hi baqgħet tħambaq u tinjorah! Riċentament kien hemm l-isfida li għamlet lill-Prim Ministru għal dibattu bejnietom, madankollu l-istedina ma tantx damet ħajja għax malajr intervjena Beppe! Qed joffru entertainment ħelu, iżda żgur mhux qed jiggarantixxu serħan il-moħħ. Aħna, l-poplu rridu mexxejja li jserħulna rasna b’ ħidma favur il-pajjiż, u mhux individwi b’kilba għall-poter u vendikazzjonijiet personali.


F’din il-konfużjoni kollha ma jonqosx it-taħwid u l-isqaqien li qed jidħlu fihom il-PN b’diversi kummenti u statements li qed joħorġu bihom l-esponenti tiegħu. Apparti l-kummenti banali u sterjotipi tal-Kap Simon Busuttil, qed inkomplu nassistu għall-ħmerijiet bħas-surgical spirit ta’ Beppe, l-ishredders ta’ Jason Azzopardi, l-bagalji ta’ Net News u l-ħrejjef l-oħra kollha li qed jippruvaw ibellgħu. Ikolli aptit inħabbat rasi ma ħajt meta nisma’ lil dawn il-politiċi tagħna, li potenzjalment huma mexxejja futuri ta’ dan il-pajjiż, jitkellmu b’dan il-mod. Lest naċċetta żball jew kumment li jintqal fis-saħna tal-mument, pero, ma nasal qatt naċċetta diskors immirat biex inissel firda fost il-poplu, jew inkella biex idaħħal dubju fl-istutizzjonijiet kollha tal-pajjiż. Hija irresponsabbiltà u perikoluż li l-oppożizzjoni, bl-irwol kostituzzjonali tagħha, tinfexx f’din it-tip ta’ strateġija.

Għan-negattività u t-tgħajjir il-PN jieħu l-ewwel post. Forsi għalhekk qal li din il-kampanja ellettorali m’hiex ġlieda tal-proposti! Mela x’inhi? Il-kampanja elettorali trid tużaha biex turi għaliex inti se tkun gvern aħjar, mhux biss bil-paroli kontra l-partit l-ieħor, iżda bil-fatti tal-proposti li ppjanajt. Mur ifhmu! Wara ftit eżitazzjoni, Busuttil beda jgħidilna x’se jkun qed jagħmel jekk ikun fil-gvern. Mal-ewwel beda fuq sieq ħażina fl-ewwel proposta tal-famużi 10,000 ewro għal min imur jgħix Għawdex. Fil-jiem ta’ wara ħareġ bi proposti oħra, fosthom uħud li diġa beda jwettaq il-Gvern Laburista u oħrajn li, bħall-proposta t’Għawdex, ma jridx jgħidilna (jew ma jafx) kif se jaħdmu. Busuttil u l-PN qed jippruvaw jużaw il-ġlieda kontra l-korruzzjoni bħala il-‘cavallo di battaglia’ tagħħom, u qed ifajjru diversi allegazzjonijiet u tgħawwiġ tal-fatti – kif għamel għal dawn l-erbgħa snin sħaħ. L-ironija hi li fl-istess ħin, il-PN għandu nies fi ħdanu li għandhom dell ikrah fuqhom, b’baggage politiku li mhux ta min tgħir għaliħ.

Mit-tmexxija u organiżazzjoni tal-kampanja elettorali tal-PN, qed joħroġ biċ-ċar li l-PN m’huwiex lest biex imexxi lil dan il-pajjiż.

Ta’ QabelLi Jmiss
Chris Balzia għandu 30 sena u jgħix Birżebbuġa. Studja l-inginerija tal-avjazzjoni fil-kulleġġ tal-MCAST. Waqt li kien qed jaħdem f’dan is-settur, reġa’ ssokta bl-istudju tiegħu fejn ggradwa mill-Università ta’ Londra b’Diploma fl-Ekonomija. Bħalissa jinsab għaddej bl-istudji tiegħu għal Degree fil-Management. L-attiviżmu politiku minn dejjem kien jinteressaħ u jassoċja ruħu mal-ideali poltiċi xelluġin. Matul il-hajja studenteska tiegħu kien attiv mal-għaqda Pulse fejn anki serva għal diversi snin fl-eżekuttiv tal- għaqda. L-impenn politiku kompla bl-involviment fil-fergħa tal-Forum Żgħażagħ Laburisti ta’ Birżebbuġa u fl-eżekuttiv tal-FZL mill-2011 sa Frar tal-2016. Apparti l-interess fil-politika, impenn ieħor għal qalbu huwa l-iScouting. Chris ilu membru tal-iScouts mill-eta’ ta' sebgħa snin u baqa’ attiv fl-istess assoċjazzjoni fejn bħalissa jokkupa l-kariga ta’ Scout Leader mall-grupp ta' Birżebbuġa.

Send this to a friend