Josie Muscat kixef il-ħsieb ta’ Simon Busuttil – One News

Notifiki

Josie Muscat kixef il-ħsieb ta’ Simon Busuttil

Simon Busuttil qed jaċċetta kandidati li huma kontra forom differenti tal-familja, jitajru u li jridu jreġġgħu lura dak li rnexxielu jikseb Gvern Laburista. Il-kandidat ta’ Simon Busuttil, Josie Muscat kixef il-ħsieb ta’ Simon Busuttil u dwar il-viżjoni tiegħu għall-libertajiet ċivili ta’ pajjiżna.

Dawn huma l-Ministri prospettivi ta’ pajjiżna? 

F’konferenza tal-aħbarijiet is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri u l-Ministru Helena Dalli taw elenku tal-prinċipji li Simon Busuttil irid il-poplu jivvota dwarhom. Iżda meta wieħed jara dak li intqal mill-kandidat li għażel Simon Busuttil Josie Muscat u kandidati oħra tal-Partit Nazzjonalista bħal Salvu Mallia “wieħed jasal f’punt li jgħid li l-Partit Nazzjonalista ma jistax jaqa’ aktar fil-baxx.” Għalhekk Simon Busuttil qed jara lil dawn il-kandidati bħala Ministri prospettivi ta’ pajjiżna.

Deborah Schembri fakkret id-diskors dispreġġjativ li għamel il-kandidat magħżul ta’ Simon Busuttil, Josie Muscat, li għamel dikjarazzjonijiet iebsa fosthom li huwa tort tan-nisa li ssir vjolenza domestika fuqhom u li n-nisa jipprovokaw l-irġiel biex isawwtuhom.

Iżda din ma kinitx l-unika dikjarazzjoni xokkanti tal-kandidat ta’ Simon Busuttil hekk kif sa xahrejn ilu stess, Josie Muscat kiteb fuq it-Times u sejjaħ l-idea li l-unjoni ċivili għal koppji omosesswali tinbidel fi żwieġ bħala waħda falza. Fil-ħamsa ta’ Marzu li għadda, Josie Muscat uża ukoll kliem iebes fil-konfront ta’ koppji gay li ma jixtieqhomx igawdu mid-drittijiet ċivili li kisbu f’dawn l-aħħar erba’ snin.

Dawn huma l-prinċipji ta’ Simon Busuttil? 

Bl-għażla tal-kandidati tiegħu li fost oħrajn qabblu lil Joseph Muscat mal-pesta u ma’ kankru, jirriflettu l-prinċipji ta’ Simon Busuttil u xi jfisser Gvern Nazzjonalista. Nies bħal Josie Muscat, huma n-nies li Simon Busuttil qed jimbotta. Deborah Schembri rrimarkat li “ma jistax ikollok kap ta’ partit li jemmen fil-libertajiet u jkollok dawn it-tip ta’ kandidati, dawn juru x’inhuma l-kredenzjali ta’ Simon Busuttil u l-Partit tiegħu fejn jidħlu libertajiet ċivili.”

Timmaġinaw lil Dr Josie Muscat Ministru tal-Libertajiet Ċivili? 

Il-Ministru għall-libertajiet ċivili li f’dawn l-aħħar erbà snin kienet parti mill-ħidma biex illum pajjiżna huwa eżempju għal pajjiżi oħra Ewropej f’dawk li huma libertajiet ċivili qalet li l-kliem u l-viżjoni ta’ Simon Busuttil hija inkwetanti mhux biss għall-Gvern iżda għas-soċjetà.

Saħqet dwar l-importanza li dak li rnexxielu jikseb pajjiżna ma nistgħux nmorru lura fih iżda rridu nmexxuh ‘il quddiem.

“Għalhekk, meta nisma diskorsi bħal dawn, li qed jgħidu il-Kap tal-Oppożizzjoni, fosthom il-Ħadd li għadda fejn qal li s-single mothers jinsabu l-aktar fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta insaqsi mela dawn mhux familja għal Simon Busuttil?”

Wieħed allura isaqsi jekk Partit nazzjonalista bħala Gvern prospettiv hux se jkun qed jagħmel liġijiet għal dawn il-familji.

“X’tama għandhom dawn in-nies bi Gvern Nazzjonalista?”

Dan b’referenza għad-diskors li għamel il-kandidat magħżul minn Simon Busuttil, Dr Josie Muscat. Diskors li jqajjem il-mistoqsijiet ta’ kif tistà bħala politiku titkellem oppost ta’ tolleranza zero u tiġġustifika li huwa tajjeb li r-raġel juża l-vjolenza fuq in-nisa jekk ikunu provokati.

“Huwa inkwetanti li Simon Busuttil qed juża kliem vjolenti. Ix-xogħol kollu li sar biex dawn il-persuni jgħixu ħajjithom b’dinjità, kollu jista’ jitreġġa lura. Bħala pajjiż dan mhux aċċettabbli!”

Isma’ id-diskors tal-kandidat ta’ Simon Busuttil, Dr Josie Muscat: 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend