Joseph Muscat iġib fix-xejn il-prinċipji ta' Busuttil | One News

Notifiki

Joseph Muscat iġib fix-xejn il-prinċipji ta’ Busuttil

“Kien hemm min qal li din mhux elezzjoni dwar il-proposti, kull elezzjoni hija dwar prinċipji u l-proposti tal-Partit Laburista huma msejsa fuq il-prinċipji.” 

Dan qalu l-Prim Ministru u l-Mexxej Laburista Joseph Muscat fid-diskors tiegħu taħt it-tinda wara li ngħata merħba mill-isbaħ mill-folla fl-Imsida.

B’referenza għall-għajta ta’ Simon Busuttil li l-elettorat m’għandux jivvota għall-proposti iżda għal prinċipji, l-Prim Ministru qal li jekk il-Kap tal-Oppożizzjoni jemmen li l-prinċipji u l-proposti huma separati, juri kemm il-Partit Nazzjonalista m’għandux ħsieb wara l-proposti tiegħu.

Fid-diskors tiegħu fl-Imsida, l-Prim Ministru u Mexxej Laburista ta elenku ta’ kif il-proposti kollha li ħarġu f’dawn id-disà t’ijiem ta’ kampanja huma kolla msejsa fuq prinċipji.

Fost il-prinċipji hemm ewlenija l-mobiltà soċjali bi proposti li se jkunu qed inaqqsu t-taxxa għall-ħaddiema part-time.

“Persuna bieżla se nibqgħu ninkoraġġuha biex timxi ‘l quddiem,” spjega l-Mexxej Laburista.

Huwa saħaq li proposti bħal dawn u proposti bħal ma hi dik li se tara 190,000 taxpayer ser igawdu minn tax refund ta‘ bejn €200 u €340 għal kull persuna li taħdem.

“Dawn huma l-prinċipji wara l-proposti u mhux li nagħmluhom biex nirbħu l-vot,” tenna Joseph Muscat.

Iżda dan mhux l-uniku prinċipju li qed jassigura l-Mexxej Laburista, fost oħrajn il-ġustizzja soċjali, “nemmnu li kulħadd għandu jkollu l-istess opportunità biex jimxi ‘l quddiem.”

Hawnhekk, il-Mexxej Laburista għamel referenza għall-proposti dwar l-edukazzjoni li se jkunu qed jaraw li “kull student bilqiegħda fil-klassi jkollu l-istess ċans li jirnexxi fil-ħajja u jimxi ‘l quddiem.”

“Kien hemm min daħak dwar il-proposta li se tkun qed tara li l-eżamijiet tal-MATSEC u SEC isiru bla ħlas, iżda l-eżamijiet huma parti mis-sistema edukattiva u kull student għandu jingħata ċ-ċans li jpoġġi għal dawn l-eżamijiet,” tenna l-Prim Ministru.

B’referenza għall-għażla ta’ Busuttil għall-kandidati tal-Partit Nazzjonalista li fost oħrajn jinkludu lil Dr Josie Muscat li kemm il-darba tkellem b’mod diżpreġġjattiv dwar persuni gay u dwar in-nisa, l-Prim Ministru assigura serħan il-moħħ li Gvern Laburista se jkun qed isaħħaħ il-prinċipju tal-ugwaljanza.

Il-Prim Ministru qal li l-ugwaljanza jew temmen fiha jew ma temminx u għalhekk min “jabraċċa lil min jitkellem kontra” qatt ma jista’ jkun kredibbli dwar dan.

Din mhux l-unika differenza bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista tenna Muscat b’referenza għas-settur tas-saħħa fejn qabel il-prinċipji kienu biss fuq il-karta filwaqt li Gvern Laburista bidilhom f’realtà.

“L-unika prinċipju li għandu l-Partit Nazzjonalista huwa li jgħaqqad koalizzjoni ta’ konfużjoni, bl-unika għan huwa li Joseph Muscat jitlaq u l-għada tal-elezzjoni ma jaqblu fuq xejn,” qal Muscat.

B’referenza għall-programm ta’ ċittadinanza b’investiment, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista kien jgħid li mhux aċċettabbli li tbiegħ iċ-ċittadinanza bħala prinċipju iżda “ħabbar li minflok se jneħħieh se jżommu, spiċċa diġà l-prinċipju.”

Iżda dan mhux l-uniku prinċipju li saħaq tant dwaru l-Partit Nazzjonalista u meta kien fil-Gvern għamel il-kontra huwa fejn tidħol it-trasparenza, differenza bejn Gvern li ppubblika l-kuntratti kollha u Gvern li lanqas biss ried jippubblika l-kuntratti tal-fjuri tar-roundabout.

“Jitkellem dwar it-trasparenza, meta fil-Partit tiegħu stess m’għandu ebda trasparenza b’invoices foloz, frodi lill-Unjoni Ewropea aħseb u ara x’jagħmel fil-Gvern,” qal il-Mexxej Laburista.

Il-Prim Ministru u mexxej Laburista ta l-kelma lill-poplu li mhux se jħalli lil Simon Busuttil jiżra l-firda u l-mibegħda fil-pajjiż.

“Mhux se nħalluh jaqsam lil tan-North u tas-South, Laburista u Nazzjonalist, għandna pajjiż magħqud u mhux se jinfired.” – JM

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend