Aktar minn nofs miljun passiġġier jgħaddu mill-MIA f'April | One News

Notifiki

Aktar minn nofs miljun passiġġier jgħaddu mill-MIA f’April

 530,576 moviment tal-passiġġieri rreġistrati f’April

 Is-sits disponibbli fuq it-titjiriet żdiedu bi 17.7%, filwaqt li s-seat load factor laħaq 85.1%

 L-aktar ġurnata impenjattiva għall-ajruport kienet fil-perjodu tal-Għid, fejn ġew irreġistrati 23,400 moviment tal-passiġġieri

Il-movimenti tal-passiġġieri x-xahar li għadda rreġistraw żieda ta’ 26.6% u b’hekk qabżu n-nofs miljun għall-ewwel darba f’April.

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ total ta’ 530,576 passiġġier. Il-prestazzjoni b’saħħitha tax-xahar li għadda rriżultat parzjalment mill-fatt li l-vaganzi tal-Għid ħabtu f’April u anki mill-bidu ta’ operazzjonijiet ġodda u l-estensjoni ta’ ċerti rotot fix-xhur tas-sajf.

Il-programm Cruise & Fly, li beda jopera fil-bidu ta’ April, kien fattur kontribwenti importanti għat-tkabbir irreġistrat kemm mir-Renju Unit u kemm mill-Ġermanja.

Ir-Renju Unit għal darba oħra kien l-aqwa suq tal-MIA, segwit mill-Italja, il-Ġermanja, Franza u lBelġju. It-tkabbir esperjenzat mis-suq Taljan kien prinċipalment iġġenerat fuq ir-rotta ta’ Katanja, wara li l-frekwenza tat-titjiriet lejn din id-destinazzjoni żdiedet.

Min-naħa l-oħra, aktar sits disponibbli fuq titjiriet lejn Pariġi u t-tnedija ta’ titjiriet lejn Bordeaux f’nofs April ikkontribwew għal żieda finnumru ta’ passiġġieri minn Franza. Is-suq Belġjan irreġistra l-aktar tkabbir b’saħħtu f’April, li rriżulta minn konnettività mtejba ma’ Brussell.

Filwaqt li medja ta’ 17,600 passiġġier għaddew mill-ajruport kuljum, din iċ-ċifra żdiedet konsiderevolment fit-13 ta’ April. Dakinhar intlaqgħu fit-terminal 23,400 passiġġier, li għamlu din il- ġurnata l-aktar waħda impenjattiva għal din is-sena sa issa fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend