Raġel ta’ erbgħa u erbgħin sena miet wara li nqabad taħt lift fi blokka bini fi Triq Dun Frans Camilleri fil-Ħamrun.
L-inċident seħħ illum għall-ħabta tas-18:30 ta’ filgħaxija f’blokka privata ta’ appartamenti fi Triq Dun Frans Camilleri, il-Ħamrun.
Il-Pulizija u uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili marru minnufih fuq il-post fejn pruvaw joħorġu r-raġel minn taħt il-lift, fil-basement.
Madankollu minkejja t-tentattivi li saru, sfortunatament ir-raġel li jgħix fl-istess blokka ta’ bini ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr N. Galea Sciberras LLD li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-istħarriġ mill-Pulizija għadu għaddej.