Plejers żgħar jilagħbu l-futbol biex jiġbru fondi għall-Inspire – One News

Notifiki

Plejers żgħar jilagħbu l-futbol biex jiġbru fondi għall-Inspire

In-Nursery tal-klabb tas-Sliema Wanderers u l-Fondazzjoni Inspire ikkollaboraw flimkien għat-tieni edizzjoni ta’ Come Together Football Tournament – tournament għal plejers żgħar, sabiex jippromwovu l-inklużjoni fis-soċjetà tagħna.

Nhar il-Ħadd 2 ta’ April 2017, aktar minn 100 plejer żagħżugħ ipparteċipaw fil-festival tal-futbol, li ġie organizzat fil-Kumpless tat-Training tal-Klabb tal-Futbol Sliema Wanderers, f’ Tigne Point, Sliema. Inġabru aktar minn €800, li ngataw bħala donazzjoni lill-Fondazzjoni Inspire.

25 tim mill-kategoriji ta’ taħt is-7 snin u taħt id-9 snin minn nurseries minn madwar Malta ħadu sehem f’din l-attività. Dawn kienu jinkludu parteċipanti minn tas-Sliema, San Ġwann, Mosta, Fgura, Ħal Kirkop, Tarxien, Swieqi, Marsaxlokk, Balzan, Ħamrun u Ħaż-Żabbar.

“Kien tassew pjaċir għalina li noffru l-faċilitajiet tan-Nursery tagħna u ngħinu fl-organizzazzjoni ta’ dan il-festival.  Aħna nagħtu importanza kbira lil attivitajiet bħal din, għax jaqgħu fl-ambitu tar-responsabilitajiet soċjali tagħna. Il-Come Together Football Festival li jiġi organizzat għall-Inspire serva biex iqajjem kuxjenza, kien mezz li bih niġġeneraw fondi u serva wkoll sabiex it-tfal tagħna jirċievu valuri li jibqgħu jiftakru u japprezzaw tul ħajjithom kollha,” qal Stephen Azzopardi, Direttur Tekniku ta’ Sliema Wanderers FC.

Il-Fondazzjoni Inspire tippromwovi inklużjoni u ugwaljanza billi tipprovdi servizz lil aktar minn 1,000 klijent u l-familji tagħhom. Din tipprovdi servizzi edukattivi, terapewtiċi u ta’ divertiment lil individwi li għandhom diżabilità, inkluż Down Syndrome, Autism, Cerebral Palsy u oħrajn. Is-servizzi jingħataw mingħajr ħlas jew b’rata tassew sussidjata.

“ Nieħdu gost li naraw tant tfal jingħaqdu flimkien fl-isport u jipparteċipaw f’attività li jħobbu għal kawża ġusta. Kokllaborazzjonijiet pożittivi bħal dawn huma imprezzabbli għal organizzazzjonijiet bħal tagħna,”  qal Antonello Gauci, CEO tal-Fondazzjoni Inspire.

Il-Fondazzjoni Inspire tesprimi l-gratitudni tagħha lin-Nursery tal-Klabb Sliema Wanderers għall-organizzazzjoni ta’ dan it-tournament, u lill-parteċipanti kollha li b’ħeġġa kkontribwew għall-ħidma tal-Fondazzjoni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend