It-tiġrija elettorali bdiet! | One News

Notifiki

It-tiġrija elettorali bdiet!

Il-kampanja elettorali bdiet. Il-pajjiż, bil-mod il-mod, qed jidħol in election-mode f’kampanja elettorali li hija qasira. Bosta ma stennewx li kienet se tissejjaħ l-elezzjoni, iżda fid-dawl taċ-ċirkostanzi u akkużi bla provi, kien pass għaqli li l-Prim Ministru jagħżel l-istabbilità tal-pajjiż qabel il-kilba għall-poter. Differenza kbira bejn dak li kien għamel il-Partit Nazzjonalista fl-2012 meta baqa’ jkaxkar lill-pajjiż f’inċertezza b’detriment fuq l-ekonomija, l-investiment u l-impjiegi.

S’issa għaddew l-ewwel ftit ġranet mill-kampanja elettorali, u wieħed jista’ jinnota liema partit huwa aktar organizzat u jaf kif se jmexxi fil-ħames snin li ġejjin. Fuq naħa rajna lill-Partit Laburista li diġa ressaq ħames proposti konkreti, costed u ppjanati, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista ta’ Simon Busuttil għadu mitluf fit-tgħajjir u attakki personali fil-konfront ta’ Joseph Muscat u esponenti oħra tal-Gvern. Anzi, ‘l bieraħ Simon Busuttil qal li se jgħati grant finanzjajru lill-koppji li jmorru jgħixu Għawdex – iżda d-dettalji ta’ din il-wegħda se joħorġu meta jkunu fil-Gvern! Ma ninsewx li l-PN kien ilu jgħid li jinsab lest, issir meta ssir l-elezzjoni. S’issa rajna biss baħħ u diskors li ma joffri l-ebda viżjoni għall-pajjiżna. Stenn, għax kont se ninsa wegħda oħra li dejjem semma l-PN – dik li jqaċċat u jkeċċi lil dawk kollha li m’humiex tal-istess fehma politika tagħhom, irrispettivament mill-kariga u l-kapaċità li għandu l-persuna. Dik viżjoni eee!

Apparti n-nuqqas ta’ proposti f’dawn l-ewwel jiem importanti tal-kampanja, il-PN għandu problema oħra kruċjali – min verament qed imexxi l-Partit? Simon, Marlene, Beppe jew DeMarco? Min se jkun il-viċi Prim Ministru, jew saħansitra Prim Ministru f’każ ta’ rebħa għall-PN? Dawn iż-żewġ mistoqsijiet bażiċi ħadd ma’ ta’ risposta għalihom li jirrifletti fid-diżorġanizazzjoni u tħarbit li għandhom it-tmexxija tal-PN.

It-tmexxija tal-PN hija dgħajfa immens meta kkumparat mat-tmexxija tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Filfatt, huwa għalhekk li Simon Busuttil qed jirrepeti f’kull okkażjoni li jkollu li din l-elezzjoni mhix għażla bejnu u bejn Joseph Muscat. Mela bejn min hi l-għażla? Bejn il-ħamiem u s-silla?! Mhux ovvja li aħna, l-elettorat, jinteressana minn min se jkun fit-tmun tal-pajjiż! L-elezzjoni dejjem kienet iddeterminata minn min il-poplu jrid  bħala Kap, minn dak li potenzjalment jista’ jsir Prim Ministru u li jafdaw li jista’ jwettaq l-aħjar ġid għall-pajjiż.

S’issa l-PN immexxi minn xi ħadd fost Simon, Marlene u Beppe (u forsi De Marco) m’huma joffru xejn ħlief baħħ u aktar inċertezza għal pajjiżna. Pajjiżna, Malta, trid tibqa’ tħares ‘il quddiem u mhux nerġgħu immorru lura għal kif konna erbgħa snin ilu.

Ejja nerġgħu nkunu portagonisti – l-Aqwa Żmien ta’ Pajjiżna qed jistenniena.

Ta’ QabelLi Jmiss
Chris Balzia għandu 30 sena u jgħix Birżebbuġa. Studja l-inginerija tal-avjazzjoni fil-kulleġġ tal-MCAST. Waqt li kien qed jaħdem f’dan is-settur, reġa’ ssokta bl-istudju tiegħu fejn ggradwa mill-Università ta’ Londra b’Diploma fl-Ekonomija. Bħalissa jinsab għaddej bl-istudji tiegħu għal Degree fil-Management. L-attiviżmu politiku minn dejjem kien jinteressaħ u jassoċja ruħu mal-ideali poltiċi xelluġin. Matul il-hajja studenteska tiegħu kien attiv mal-għaqda Pulse fejn anki serva għal diversi snin fl-eżekuttiv tal- għaqda. L-impenn politiku kompla bl-involviment fil-fergħa tal-Forum Żgħażagħ Laburisti ta’ Birżebbuġa u fl-eżekuttiv tal-FZL mill-2011 sa Frar tal-2016. Apparti l-interess fil-politika, impenn ieħor għal qalbu huwa l-iScouting. Chris ilu membru tal-iScouts mill-eta’ ta' sebgħa snin u baqa’ attiv fl-istess assoċjazzjoni fejn bħalissa jokkupa l-kariga ta’ Scout Leader mall-grupp ta' Birżebbuġa.

Send this to a friend