Erġajna! Fl-Ewropa jiżdied il-prezz u f’Malta jibqa’ stabbli – One News

Notifiki

Erġajna! Fl-Ewropa jiżdied il-prezz u f’Malta jibqa’ stabbli

Għal darb’oħra l-prezz tal-fuel f’Malta baqa’ stabbli u taħt il-medja Ewropea filwaqt li żdied fil-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Tikkonferma dan statistika tal-Kummissjoni Ewropea li tikkonferma li fl-aħħar xahar il-prezz medju tal-petrol fl-Unjoni Ewropea żdied bi tliet ċenteżmi u minn €1.36 kull litru sar €1.39. Żdied ukoll b’żewġ ċenteżmi u nofs il-prezz tad-diesel li minn €1.215 tela’ għal €1.24.

Filwaqt li kien hemm dawn iż-żidiet fl-Unjoni Ewropea, il-prezz f’Malta baqa’ stabbli b’€1.31 il-petrol u €1.18 id-diesel.

B’hekk il-prezz tal-petrol f’pajjiżna ilu taħt il-prezz medju tal-Unjoni Ewropea għal kważi sena sħiħa. Fil-fatt, l-istatistika Ewropea tindika li għajr għall-ewwel nofs ta’ Awwissu li għadda, il-prezz tal-petrol f’Malta ilu taħt il-prezz medju madwar l-Unjoni Ewropea mill-ġimgħa tat-18 t’April 2016. Fejn jidħol il-prezz tad-diesel, pajjiżna ilu bi prezz anqas mill-medja Ewropea mill-bidu ta’ Ottubru li għadda, jew aktar minn seba’ xhur.

Skont il-Kummissjoni Ewropea bħalissa hemm 14-il pajjiz fl-Unjoni Ewropea bi prezz tal-petrol ogħla minn Malta.

Il-prezz tal-petrol f’pajjiżna huwa orħos minn dak imħallas minn 356 miljun Ewropew, jew 7 minn kull 10 Ewropej. Id-diesel huwa orħos minn 14-il pajjiż b’popolazzjoni ta’ 351 miljun, jew 7 minn kull 10 Ewropej. Il-prezz tal-petrol fl-Unjoni Ewropea jlaħħaq €1.39, 8ċ ogħla minn Malta, mentri d-diesel huwa €1.24, 6ċ aktar minn pajjiżna. L-ogħla prezz tal-petrol huwa €1.60 fl-Olanda, jew 29ċ ogħla minn Malta, mentri l-ogħla prezz tad-diesel huwa €1.44 fl-Iżvezja, jew 26ċ ogħla.

Fil-fatt fi 8 minn kull 10 ġimgħat f’din l-amministrazzjoni, il-prezz tal-petrol f’Malta kien orħos mill-medja Ewropea. Fejn jidħol il-prezz tad-diesel, f’Malta l-prezzijiet kienu taħt il-medja Ewropea f’6 minn kull 10 ġimgħat tul din l-amministrazzjoni.

L-istatistika tal-Kummissjoni tindika li mill-ewwel xahar sħiħ ta’ din l-amministrazzjoni l-petrol raħas b’20ċ u d-diesel raħas 22ċ f’pajjizna. L-istess statistika tindika li minn April 2013 kien hemm tnaqqis ta’ 18ċ fil-petrol u 18ċ fid-diesel fl-Unjoni Ewropea, jew ferm anqas mir-roħs f’Malta.

B’kuntrast tul l-amministrazzjoni preċedenti, il-petrol kien għola b’36% u d-diesel b’35% f’pajjiżna, meta li fl-UE tul l-istess żmien iż-żieda kienet ta’ 21% fil-petrol u ta’ 17% fid-diesel.

Filwaqt li l-Gvern preżenti raħħas il-prezzijiet tal-fuel aktar milli seħħ fl-Unjoni Ewropea, dak ta’ qabel kien impona żieda kważi doppja ta’ dik fl-Ewropa. Dan juri biċ-ċar li l-politika enerġetika tal-Kap tal-Oppożizzjoni – li l-prezzijiet f’pajjiżna joqogħdu jixxejru mal-prezz internazzjonali – kienet twassal għal instabbiltà u piżijiet akbar għall-familji tagħna. Minkejja l-ostakli kollha tal-Oppożizzjoni, din l-amministrazzjoni baqgħet kommessa li tnaqqas il-pizijiet fuq il-familji tagħna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend