Studenti u anzjani jiċċelebraw il-Jum Ewropew għas-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet – One News

Notifiki

Studenti u anzjani jiċċelebraw il-Jum Ewropew għas-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet

F’San Vinċenz de Paul kien imfakkar il-Jum Ewropew għas-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet fejn kienu mistiedna għadd ta’ studenti u għalliema minn diversi skejjel sabiex jattendu u jiċċelebraw dan il-jum flimkien mal-anzjani residenti fl-istess residenza. L-istudenti kellhom l-opportunità jitkellmu mal-anzjani u jaqsmu magħhom il-ħsibijiet dwar l-esperjenzi tal-passat u tal-preżent, u filwaqt li t-tfal jitgħallmu aktar dwar dak li kienu jagħmlu fi żmienhom l-anzjani, dawn tal-aħħar ġabu memorji nostalġiċi ta’ meta huma kienu tfal. L-amministrazzjoni taSan Vinċenz ħasset il-ħtieġa li jitfakkar dan il-jum sabiex tissaħħaħ l-għaqda bejn il-ġenerazzjonijiet, li għalkemm mifruda miż-żmien hija magħquda bil-valuri.

Fl-istess okkażjoni kien hemm l-għoti tal-premju għall-aqwa pittura jew illustrazzjoni li għamlu t-tfal stess u li minn 83 biċċa xogħol magħmula mit-tfal stess, tlieta minnhom ħadu premju individwali kif ukoll premju f’isem l-iskola. It-tema ta’ din is-sena kienet “Il-Farfett”, simbolu tad-differenza kif ukoll simbolu għall-għarfien favur l-ambjent.

all-attività attendiet is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Justyne Caruana, fejn fl-indirizz tagħha fissret il-għan ta’ din il-ġurnata kif ukoll l-importanza tat-tema magħżula, “Il-Farfett”. Caruana qalet li l-farfett huwa ħlejqa vulnerabbli ferm, bħall-anzjani tagħna, u bħalhom jgħaddi minn diversi fażi fil-ħajja tiegħu li jħossu dgħajjef jew forsi jkollu bżonn l-għajnuna. L-anzjani huma pilastru importanti fis-soċjetà tagħna, kompliet is-Segretarju Parlamentari, u kif huma investew fil-futur tagħna, aħna għandna ninvestu fis-sigurtà u l-benesseri tagħhom f’dan il-perjodu partikolari ta’ ħajjithom.

Hija fissret ukoll li ladarba ninnutaw nuqqas ta’ friefet fl-ambjent tal-madwar, dan ikun ifisser li l-ambjent qed jiddeġenera. B’dan il-mod anke l-anzjani tagħna huma kejl ta’ kemm is-soċjetà hija attiva u ffukata fuq l-għejxien ta’ livell għoli kif ukoll denju għalihom fil-perjodu tal-anzjanità tagħhom. Is-Segretarju Parlamentari Caruana żiedet tgħid li l-kompetizzjoni nħolqot sabiex titqajjem kuxjenza akbar dwar l-importanza t’interess u għarfien ambjentali kif ukoll kienet strumentali biex it-tfal jersqu aktar qrib il-ġenerazzjoni anzjani tas-soċjetà. Qalet ukoll li tħossha kburija u ferħana dwar l-ammont konsiderevoli ta’ sottomissjonijiet li ġew minn skejjel kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Ferħet lir-rebbieħa u anke lil dawk l-iskejjel li pparteċipaw biex titqajjem kuxjenza akbar.

Hija kkonkludiet billi ħeġġet għal aktar aċċessibilità u inklużjoni fost il-ġenerazzjonijiet u sejħet lis-soċjetà ċivili saibex ikollhom aktar aċċess għall-anzjani u persuni vulnerabbli.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend