Negozjati Brexit: "Intbagħat sinjal ta' għaqda bejn is-27 pajjiż membru" | One News

Notifiki

Negozjati Brexit: “Intbagħat sinjal ta’ għaqda bejn is-27 pajjiż membru”

Is-27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea kollha qablu dwar x’attitudni għandha tittieħed fil-konfront tar-Renju Unit. F’kummenti lill-mezzi tax-xandir fi tmiem Kunsill Ewropew fi Brussels li ttratta speċifikament il-Brexit, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li huwa sinifikanti li l-qbil dwar il-linji gwida għan-negozjati mar-Renju Unit sar f’inqas minn kwarta.

“Fil-fehma tiegħi intbagħat sinjal ta’ għaqda bejn is-27 pajjiż membru. Huwa wkoll ċertifikat għal Presidenza Maltija li fil-ġimgħat li għaddew ħadmet mal-Kummissjoni Ewropea u man-negozjatur Barnier biex id-diffikultajiet kollha jiġu eliminati u llum inkunu nistgħu nitkellmu dwar l-aspett politiku iktar milli nargumentaw dwar il-punti li għandhom x’jaqsmu mad-dokumenti,” qal Dr Muscat.

Il-Prim Ministru qal li l-fatt li l-Unjoni Ewropea approvat f’ħin qasir wieħed mill-aktar dokumenti diffikultużi li qatt kellha quddiemha juri li dan ix-xogħol issarraf f’riżultati konkreti.

Dr Muscat qal li l-Ewropa qed tibbaża fuq il-ħsieb ta’ x’hemm bżonn li jsir. L-ewwel tkun indirizzata l-Brexit, u meta jsir progress biżejjed, jiġu indirizzati kwistjonijiet oħra.

“Hemm diffikultajiet li nafu bihom u hemm oħrajn li jinqalgħu matul it-triq. Mhux se tkun triq facli. Naħseb li hija skeda ambizzjuża imma bdejna b’pass tajjeb,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend