Next door to Alice | One News

Notifiki

Next door to Alice

Il-bieraħ, ilkoll kemm aħna rajna l-istorja tinkiteb għal pajjiżna. Kien jum storiku fuq diversi aspetti – l-ewwel surplus f’ħamsa u tletin sena ikkonfermat b’valur ta’ mitt miljun ewro, u l-qalba mill-użu tal-Heavy Fuel Oil għall-gass fil-ġenerazzjoni tal-enerġija ġewwa l-impjant ta’ Delimara.

Bħala resident minn Birżebbuġa, il-pjan tal-Gvern fis-settur tal-enerġija kien t’interess kbir għalija kif ukoll emozzjonali.

Dak li seħħ kien pass importanti għalina u għar-residenti tal-madwar. Il-qalba mill-HFO għall-gass se tħalli biss impatti pożittivi kemm mill-lat ambjentali kif ukoll mill-lat estetiku. Fl-aħħar nistgħu ngħidu li Malta għamlet qabża pożittiva fil-kwalità tal-arja għall-poplu tagħħa, b’mod speċjali għalina r-residenti tan-nofsinhar. Ukoll dan ifisser li ċ-ċumnija, li drajt nara minn tfuliti sal-ġurnata tal-lum, issa twaqqfet milli tkompli tarmi gassijiet perikolużi u li l-użu taghħa issa huwa inutli. B’hekk, din se tkun qed titwaqqa’ u nieqfu naraw struttura kerha tiela’ lejn is-sema.

Huwa minnu li l-proġett dam aktar milli oriġinarjament pjanat, iżda dan il-fatt issa huwa rrelevanti. Irrelevanti minħabba li l-proġett, bl-intoppi u l-gambetti kollha li tefgħu tul il-proċess tiegħu, baqa’ għaddej u tlesta matul din il-leġiżlatura. Proġett li ġie approvat mill-Unjoni Ewropea u mfaħħar għall-mod ta’ kif ġie ppjanat u mmexxi. Wegħda ambizzjuża li kienet imwegħda u li issa twettqet. Wegħda li l-Partit Nazzjonalista laqqamha bħala “Alice in Wonderland” u “l-gimmick tal-millenju”.

Li kieku kien għall-Partit Nazzjonalista, pajjiżna kien se jibqa’ jiġġenera l-enerġija bil-HFO, l-iktar żejt li jħammeġ, mingħajr ma jħares il-vera interessi ambjentali u taċ-ċittadini. Il-viżjoni tal-enerġija li għandu dan il-gvern hija l-għira u l-ħolma tal-oppożizzjoni. Dak li kienu jaqtgħu qalbħom minnu Simon Busuttil u shabu, u jbeżżgħu lill-poplu minnu, illum qed iseħħ.

F’erba’ snin ta’ gvern Laburista diġa sar ħafna iktar ġid lir-residenti tan-nofsinhar milli l-ħamsa u għoxrin sena ta’ gvernijiet nazzjonalisti. Issa l-pajjiż għandu jibqa’ jħares ‘l quddiem f’dan is-settur.

Dan il-qasam għandu jkun works-in-progress, fejn l-entità li tiġġenera l-enerġija għandha tibqa’ tinvesti fl-operat għall-ġid tal-poplu. L-ikbar sfida hija lesta – l-pajjiż għandu impjant li qed jaħdem bil-gass, pero issa tajjeb li l-Gvern ikompli il-ħidma sfieqa tiegħu sabiex din il-powerstation tkun imqabbda mal-pipeline tal-gass u b’hekk il-floating storage unit jkun jista’ jsalpa mill-port ta’ Marsaxlokk. Pass wara pass nassistu ghal dan it-tibdil ukoll.

Ta’ QabelLi Jmiss
Chris Balzia għandu 30 sena u jgħix Birżebbuġa. Studja l-inginerija tal-avjazzjoni fil-kulleġġ tal-MCAST. Waqt li kien qed jaħdem f’dan is-settur, reġa’ ssokta bl-istudju tiegħu fejn ggradwa mill-Università ta’ Londra b’Diploma fl-Ekonomija. Bħalissa jinsab għaddej bl-istudji tiegħu għal Degree fil-Management. L-attiviżmu politiku minn dejjem kien jinteressaħ u jassoċja ruħu mal-ideali poltiċi xelluġin. Matul il-hajja studenteska tiegħu kien attiv mal-għaqda Pulse fejn anki serva għal diversi snin fl-eżekuttiv tal- għaqda. L-impenn politiku kompla bl-involviment fil-fergħa tal-Forum Żgħażagħ Laburisti ta’ Birżebbuġa u fl-eżekuttiv tal-FZL mill-2011 sa Frar tal-2016. Apparti l-interess fil-politika, impenn ieħor għal qalbu huwa l-iScouting. Chris ilu membru tal-iScouts mill-eta’ ta' sebgħa snin u baqa’ attiv fl-istess assoċjazzjoni fejn bħalissa jokkupa l-kariga ta’ Scout Leader mall-grupp ta' Birżebbuġa.

Send this to a friend