Wegħda mwettqa għall-ġenituri li jridu jittrasferixxu n-negozju lit-tfal – One News

Notifiki

Wegħda mwettqa għall-ġenituri li jridu jittrasferixxu n-negozju lit-tfal

Ilum tnediet skema li kienet mħabbra fl-aħħar Baġit, jiġifieri t-tnaqqis tal-boll, minn 5% għal 1.5%, għal meta ġenitur jittrasferixxi n-negozju lit-tfal tiegħu. Dan għandu jgħin ħafna negozji tal-familja biex jibqgħu mexjin ’il quddiem.

Ħabbru t-tnedija l-Minsitri Chris Cardona u Edward Scicluna.

Il-Ministru Cardona qal li kif ħareġ ċar mir-riċerka u konsultazzjoni pubblika,  is-suċċessjoni tan-negozji tal-familja hija l-aktar proċess ta’ sfida li n-negozji tal-familja jkollhom jgħaddu minnu minħabba li, jekk ma jsirx tajjeb, jista’ jirriżulta t-tmiem tan- negozju tal-familja.

Spjega li fil-preżent, ħafna negozji tal-familja f’Malta ma jirnexxilhomx jittrasferixxu n-negozju tal-familja tagħhom lil hemm mit-tieni ġenerazzjoni tagħhom.

Fil-parti l-kbira tal-każijiet dan hu minħabba problemi ta’ likwidità u nuqqas ta’ governanza żviluppata tul il-ħajja tan-negozju tal-familja.

Nuqqas ta’ ppjanar dwar is-suċċessjoni, ta’ demarkazzjoni ċara r-rwoli u l-kompetenzi, u ta’ ppjanar finanzjarju kollha jkomplu jżidu mal-kapaċità limitata li għandhom dawn in-negozji tal-familja biex jirnexxilhom jittrasferixxu għall-ġenerazzjoni sussegwenti.

Meta ma jippjanax negozju, jkun qed jippjana li jfalli, sostna Cardona.

Żied jgħid li f’dawn l-aħħar erba’ snin, mill-bidu tal-mandat ta’ dan il-Gvern, saret ħidma biex inħoloq ambjent aħjar għan-negozju.

Saret ħidma biex ikun Gvern “business-friendly” billi jkunu osservati l-obbligi tal-Gvern bħala policy maker li jiffaċilita u jikkrea inizjattivi li jsaħħu n-negozju.

Il-Ministru Edward Scicluna spjega li din l-inċentiva fiskali ser tibqa fis-seħħ sal-1 t’April 2018.

Qal li għal darb’oħra, dan il-Gvern qed juri b’mod konkret mhux biss l-impenn tiegħu imma li hu lest li joħloq ambjent fejn is-settur privat ikompli jkun l-ixprun tat-tkabbir ekonomiku.   

Spjega li s-settur privat tan-negozju jesperjenza bżonnijiet prinċipali li jaffettwaw lin-negozju: tariffi affordabbli tad-dawl u l-ilma, finanzjament għat-tkabbir u l-operat tan-negozju u inċentivi fiskali meta in-negozju jiġi trasferit minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Il-Ministru Scicluna qal li Gvern Laburista kien kommess li fl-ewwel mandat tiegħu fit-tmexxija tal-Pajjiż, jindirizza dawn l-ostakoli li kienu qed ixekklu it-tkabbir tan-negozju ġewwa pajjiżna; u dan għax konna konvinti li inizjattivi bħal dawn kien ser iwassal sabiex ikun hemm tkabbir ekonomiku u aktar ħolqien ta’ mpjiegi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend