Min mar mingħajr provi spiċċa tilef – One News

Min mar mingħajr provi spiċċa tilef

  • SIMON BUSUTTIL GĦARQAN U SKOMDU F’ĦAFNA MILL-ĦINIJIET
  • MAL-ĦIN BUSUTTIL MA BAQAX KOMDU JITKELLEM FUQ IS-SUĠĠETT

Id-dibattitu ta’ Xarabank kien wieħed mistenni. F’mument fejn il-pajjiż kien qed jitkellem dwar l-ikbar gidba fl-istorja politika ta’ Malta, l-isfida diretta li għamel il-Prim Ministru, Joseph Muscat il-Ġimgħa filgħodu ġibdet l-attenzjoni ta’ bosta li ammiraw kif il-politiku li seta’ deher li jinsab taħt xi ftit ta’ pressjoni għażel li jmur fuq l-istazzjon nazzjonali u jħares f’għajnejn min għamillu l-allegazzjonijiet biex jgħidlu li qed jigdeb.

Il-kważi sagħtejn ta’ dibattitu bidlu kollox. Ħareġ taħt pressjoni, Simon Busuttil, għaliex Malta kollha stenniet li jmur bi prova biex jissostanzja l-allegazzjonijiet tiegħu u ta’ Daphne Caruana Galizia. Iżda, m’għamilx dan. Kien għalhekk li l-Partit Laburista qal f’konferenza tal-aħbarijiet li Simon Busuttil falla l-ikbar test politiku tiegħu sal-lum.

Li Busuttil kien qed ifalli t-test tiegħu deher mal-ħin fil-programm Xarabank. Ħafna mill-ħin għajnejh bdew iħarsu fil-vojt u l-għaraq beda jxoqq iktar għalih. Kien kollu għalxejn li f’kull waqfa reklami bdew iduruh il-konsulenti tiegħu Matthew Bonnet u Caroline Muscat fost oħrajn. Jidher li meta nqabad li fuq Egrant u r-rabta li prova jagħmel mal-familja Muscat ma kellu ebda prova ngħata l-parir jitkellem fuq suġġetti oħra. Iżda, kien kollu għalxejn. Sa dan il-ħin għal Simon Busuttil kienet Game Over.

Dan il-ħsieb esprimewh opinjonisti ewlenin li ma setgħux jifhmu kif kap tal-oppożizzjoni kien lest jibbaża l-argumentazzjoni tiegħu u attakk serju kontra l-Prim Ministru fuq il-qlajjiet. Fuq dak li ma kellux provi għalih.

 

 

ANDY ELLUL, AVUKAT

“Għandek min-naħa waħda l-Prim Ministru li ġie sottopost għal attakk iffabbrikat mill-Partit Nazzjonalista, attakk moqżież illi qatt ma rajna bħalu, huwa frame-up perikoluż ħafna. Minkejja dan, baqa’ kompost u hemmhekk vera wera l-leadership skills tiegħu u anke għamilna kburin bħala Maltin li huwa l-Prim Ministru tagħna. Min-naħa l-oħra għandek Kap tal-Oppożizzjoni li wera kemm għandu karattru fjakk meta kellu l-wiċċ jirkeb fuq allegazzjonijiet infondati u foloz u ffabbrikati proprju biex jiskurja punti politiċi.”

“U l-elezzjoni li jmiss mhux ħa tkun rebħa għall-partitarji Laburisti imma ħa tkun rebħa wkoll għall-partitarji Nazzjonalisti li ddejqu u ma jifilħux iktar lil din il-klikka moqżieża li ħakmet lill-Partit Nazzjonalista. Għaliex in-Nazzjonalisti ġenwini qed jiddisassoċjaw ruħhom minn Simon Busuttil, u Simon Busuttil min-naħa l-oħra mhux jiddisassoċja mill-hate bloggers moqżieża bħal Daphne Caruana Galizia.”

ROBERT MUSUMECI, PERIT / AVUKAT

“Għadni qed nistenna lill-Partit Nazzjonalista jissostanzja dan il-fatt. Għaliex jekk issa ħa nibnu l-politika fuq allegazzjonijiet li nsibu fuq l-internet, naħseb dik hija triq perikoluża bħala mindset, jiġifieri iktar minn kollox, din mhix xi ħaġa ta’ darba. Jiġifieri din jekk b’mod sistematiku, turi system of conduct naqra perikoluża.”

“Biex jiena ngħid li inti ħati, bilfors qabel m’għidt li inti ħati, jien għandi l-indizji, id-dokumenti, il-fatti f’idejja jew għexthom jew rajthom biex nasal għaliha. Allura għandha tkun l-iktar ħaġa faċli din għall-Partit Nazzjonalista. Il-prova għandha tkun l-iktar ħaġa faċli.”

BRENDAN ZERAFA, STUDENT

“Simon Busuttil ma ppruvax l-allegazzjonijiet illi beda jagħmel. Allura fl-opinjoni tiegħi, dik iġġiegħel jew tinfluwenza sabiex hu ma jidhirx kredibbli.”

“Is-sistema tgħidlek illi min qed jallega jġib il-provi. Inti anke meta tmur il-Qorti, il-Qorti tgħidlek li trid tistabbilixxi lil hinn minn kull dubju dettat mir-raġuni. Issa l-provi ma jġibhomx l-akkużat. Il-provi jġibhom min itellgħu l-Qorti.”

ROGER MIFSUD, EKS DEPUTAT EDITUR TIMES OF MALTA

“Jekk se tkun qed tikkumenta fuq dak li jkun qed jingħad, trid tkun taf jekk dak li qed jingħad hux sew. Jiġifieri jekk Daphne Caruana Galizia għamlet din l-allegazzjoni li l-kumpanija hi ta’ Michelle Muscat, qabel joħroġ jgħidha u jirrepetiha hu qisu pappagall, irid jara daqsxejn kemm hi veritiera din l-affari. Kif tista’ taqbad tgħid li l-Prim Ministru għandu jirriżenja fuq ħaġa li qal ħaddieħor u inti ma investigajt xejn?”

“Caruana Galizia kulħadd jaf illi kulma jagħmlu l-PN tal-qaddisin u kulma jagħmel il-Labour kollu ħażin. Din biased għalkollox. Ma tistax titwemmen fuq li tgħid fuq il-Partit Laburista.”

YOSANNE VELLA, PROFESSUR FL-UNIVERSITÀ

“Il-verdett tiegħi wara d-dibattitu 95% il-Prim Ministru qed jgħid il-verità u 5% mhux. Lil hinn minn dan, Simon Busuttil tilef iċ-ċans li jagħti prova li l-Prim Ministru qed jigdeb. Għala ma użax id-dokument li DCG poġġiet online? Għala qagħad daqshekk attent li ma jsemmihx? Jekk emmen l-allegazzjoni tagħha, għala mhux qed jappoġġja l-provi tagħha issa?”

Il-Professur tal-Università Yosanne Vella għaddiet dan il-kumment fuq facebook

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend