Studenti Għawdxin itemmu b’suċċess kors ta’ kura tal-anzjani – One News

Studenti Għawdxin itemmu b’suċċess kors ta’ kura tal-anzjani

Waqt serata apposta, studenti Għawdxin li temmew b’suċċess il-kors ta’ kura tal-anzjani ġew mogħtija ċ-ċertifikat mistħoqq.

Waqt  l-indirizz tagħha għas-serata, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana saħqet li l-okkażjoni tal-lum kienet specjali għal diversi raġunijiet. Permezz ta’ dan il-kors li għall-ewwel darba sar f’ Għawdex u li għall-ewwel darba sar fuq bażi part time, fisser li ngħatat l-opportunità lil dawn l-istudenti li jieħdu dan il-kors li huwa akkreditat mill-Università ta’ Malta. Fisser ukoll li persuni li qatt ma’ ħolmu li jagħmlu dan il-pass, ingħataw l-opportunità biex jitħarrġu, jiksbu kwalifika li finalment ser tippermettilhom jaħdmu fil-qasam tal-kura.

Hija saħqet li dawk kollha li daħlu għall-kors m’għamluhx biex sempliċement ikollhom ċertifikat jew krediti validi mill-Università ta’ Malta, iżda minħabba li wrew entużjażmu enormi meta għażlu dan il-kors biex iħejju karriera għall-ħajjithom f’dan il-qasam partikolari.  Hija qalet li permezz tal-entużjażmu u l-kuraġġ li wrew dawn l-istudenti meta għażlu din it-triq li illum saret essenzjali, anzi vitali, għal Għawdex u Malta, ser jibbenefikaw minnha eluf ta’ anzjani Għawdxin.  Dan minħabba li s-soċjetà qed tixjieħ, f’Għawdex aktar minn Malta, b’hekk il-bżonn qiegħed dejjem jiżdied f’dan il-qasam.

Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana fakkret kif il-Gvern nieda dan l-interess qawwi biex jinvesti fir-riżorsi umani bħala parti mill-Politika u mill-Istrateġija Nazzjonali biex l-anzjani u l-persuni b’diżabilità jkollhom ħajja ta’ kwalità li tixraq u dinjituża.  Hija qalet li sabiex ikollok dan, irid ikollok pedamenti sodi u ta’ ċertu stoffa, b’taħriġ adegwat u li jipprepara lil dak li jkun b’mod tajjeb, għal kull eventawlità.

Hija saħqet fuq l-impenn tal-Gvern li jinvesti fi proġetti fuq livell infrastrutturali kif ukoll fuq livell ta’ riżors uman biex jixpruna dawn il-kunċetti.  Fosthom semmiet iċ-ċentri ta’ anzjanità attiva kif ukoll in-night shelter li tant kellhom suċċess u ntlaqgħu b’tant entużjażmu fost il-komunità Għawdxija.

Fil-kuntest Għawdxi, is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana qalet li hija topera fuq bażi Nazzjonali. Allura kienet missjoni ewlenija tagħha li dawk is-servizzi li hemm Malta jiġu mwaqqfa wkoll f’ Għawdex. Kien għalhekk li għall-ewwel darba Għawdex ra night shelters, Respite, servizzi fil-komunità, ċentri ghall-anzjanità attiva, servizzi għall-persuni bid-dimensia kif ukoll dar għall-anzjani tal-privat li minnha l-gvern jixtri s-servizz. Qalet ukoll li hemm pjanati diversi proġetti oħrajn fosthom proġetti ta’ diversi djar tal-anzjani biex f’ Għawdex ikollna 500 sodda ġdida. Dan iffisser li għal kull servizz irid ikun hemm ħaddiema mħarrġa. Jfisser li l-kura tal-anzjani hija opportunità ta’ xoghol.

Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana ikkonkludiet billi rringrazzjat lill-istudenti kollha li attendew il-kors u lill-għalliema li b’tant dedikazzjoni għenuhom biex jilħqu l-miri tagħhom.  Fl-istess ħin ħeġġet lil dawk kollha interessati li jattendu korsijiet simili li huma akkreditati mill-Università ta’ Malta sabiex jersqu ’l quddiem u juru l-interess tagħhom għall-korsijiet futuri.

Waqt din is-serata kien hemm preżenti l-Pro-Rettur tal-Università ta’ Malta Prof. Joseph M. Cacciattolo, il-kap eżekuttiv tar-Residenza San Vinċenz Dr. Josianne Cutajar u l-amministrazzjoni ta’ San Vinċenz.

Ritratt: MFSS_PS

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *