Jinstab raġel mejjet f’karozza taħt il-baħar f’Marsaxlokk | One News

Jinstab raġel mejjet f’karozza taħt il-baħar f’Marsaxlokk

Kien għall-ħabta tas-14:00 meta l-Pulizija, assistiti mill-bugħaddasa tal-Forzi Armati ta’ Malta għamlu spezzjoni taħt il-baħar ħdejn il-pont, fl-inħawi magħrufa bħala tal-Magħluq f’Marsaxlokk fejn għamlu sejba ta’ katavru ta’ raġel li kien mgħerreq flimkien ma’ vettura.  Dan sar, wara informazzjoni li seta’ kien hemm xi vettura fil-baħar.

Wara din l-ispezzjoni, fil-fatt irriżulta, li fil-baħar, kien hemm vettura tat-tip Toyota Landcruiser li fiha kien hemm katavru ta’ raġel.  Minn investigazzjonjiet preliminari li saru, irriżulta li l-katavru li nstab fil-vettura, huwa ta’ raġel ta’ 36 sena li joqgħod Birżebbuġa.

Il-vettura ttellgħet mill-baħar permezz ta’ crane li nġieb fuq il-post u għadha qiegħda tinżamm sabiex isiru aktar investigazzjonijiet.  Filwaqt li l-katavru tar-raġel ittieħed fil-kamra mortwarja tal-Isptar Mater Dei permezz ta’ hearse.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Ghassa Dr G Mercieca LL.D li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin sabiex tiġi stabbilita d-dinamika tal-każ.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to friend