Minn ġirja għall-gost sa proġetti ta' miljuni | One News

Notifiki

Minn ġirja għall-gost sa proġetti ta’ miljuni

L-Onorevoli Chris Agius, Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni u Sport li tant qed jaħdem għall-akbar ġid tal-isport f’pajjiżna, u li kemm ilu Segretarju Parlamentari responsabbli mill-isport, irnexxielu jixpruna diversi istituzzjonijiet sportivi lokali għas-suċess, hekk kif jaħdem id f’id magħhom, waqt li dejjem ikun lest biex jisma’ x-xewqat u t-talbiet tagħhom. Tkellimna miegħu dwar is-settur u r-rabta tiegħu mal-isport. \

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-isport?

Naħseb li r-realtà li konna ngħixu fiha qabel hija ferm differenti minn dik tal-lum. Kien hawn inqas karozzi fit-toroq allura dak iż-żmien il-ġenituri kienu jippermetulna li noqogħdu nilagħbu barra. Ma nistax ma niftakarx il-logħob tal-ballun fit-toroq li tant kienu jkunu sbieħ. Bla dubju li fil-Kottonera żewġ tipi ta’ sport li huma għal qalb kulħadd huma l-futbol u r-regatta.

Sa minn età żgħira kelli seħer kbir għall-futbol tant li kont nara liz-ziju l-grawnd peress li kien jilgħab ma’ Bormla. Dak iż-żmien ma konniex infallu logħba ta’ Bormla.

Illum il-ġurnata sirt inħobb l-isport kollu u ninsab f’pożizzjoni ferm għal qalbi fejn nista’ nikkontribwixxi għal dak li verament inħobb.

Il-fatt li kif għedt int tħobb l-isport jgħin ħafna sabiex tifhem kif sportiv jgħaddi minn sagrifiċċji kbar sabiex iwettaq il-ħolm tiegħu.

Apparti l-imħabba lejn l-isport jien kont involut direttament f’dan il-qasam peress li kont plejer tal-futbol u għamilt xi żmien bħala amministratur ta’ klabb. Għalhekk tista’ tgħid li naf sew x’iħossu kemm l-atleti kif ukoll dawk li jamministraw il-klabbs. Naf ukoll x’iħossu l-partitarji peress li jien ukoll kelli t-timijiet favoriti tiegħi.

Għalhekk nista’ nifhem b’mod globali kull ħaġa li għandha x’taqsam mad-dinja tal-isport.

Int ma bdejtx il-leġiżlatura mill-bidu bħala Segretarju Parlamentari għall-Isport peress li ħadt post l-Onorevoli Stefan Buontempo. Sibt xi diffikultà waqt din it-transizzjoni?

Biex inkun onest miegħek ma sibt l-ebda diffikultà anzi komplejt fuq it-tajjeb li ħalla l-kollega tiegħi. Ovvjament kulħadd għandu l-istil tiegħu u f’dawn it-tliet snin, jien ippruvajt nintegra l-ħsibijiet u l-imħabba tiegħi lejn l-isport biex inkompli niżviluppa kemm nista’ dan il-qasam.

Min-naħa l-oħra min jaħseb li l-isport huwa qasam faċli żgur għandu idea ħażina. Kif taf int ħafna nies li jmexxu fil-qasam sportiv jagħmlu dan b’mod volontarju u għalhekk dejjem jiddependu minn dik l-għajnuna li l-Gvern jew entità privata jipprovaw jagħtuhom.

Kull assoċjazzjoni jkollha d-diffikultajiet tagħha. Wieħed jipprova jissodisfa lil kulħadd però mhux dejjem faċli.

Aħna nallokaw ċertu baġit għall-isport li mhux daqshekk kbir. It-talbiet huma kbar u ż-żidiet f’dixxiplini sportivi żdiedu wkoll u sfortunatament mhux faċli tissodisfa t-talbiet ta’ kulħadd.

Nemmen li bnejt relazzjoni tajba mal-għaqdiet sportivi. Jien nisma’ ħafna t-talbiet tagħhom u nipprova naġixxi kemm nista’ sabiex nara dan il-qasam dejjem jimxi ’l quddiem.

Bosta jgħidu li b’dan ix-xogħol kollu li qed jiżdied, wieħed jista’ jikkonsidra li jkollna Ministeru għall-Isport.

Napprezza ħafna dan l-għajdut għax nafu kemm l-isport huwa popolari mhux biss f’pajjiżna iżda anke barra minn xtutna. Jien anzi ngħid li l-isport jistħoqqlu baġit ikbar aktar mli ministeru. Int tgħidli li l-Gvern ikollu l-prijoritajiet tiegħu u wara kollox tajjeb li jkun hekk minħabba li hemm oqsma ferm importanti għall-pajjiż, bħall-edukazzjoni, is-saħħa u s-sigurtà soċjali.

Fl-opinjoni tiegħi għalhekk irridu nfittxu opportunitajiet ġodda kif inkabbru l-baġit għall-isport. Jekk naraw x’qed jiġri barra minn pajjiżna, insemmi lill-Ingilterra li wkoll kellhom suċċess fil-logħob Olimpiku.

L-awtoritajiet Ingliżi jingħataw għajnuna mil-lotteriji nazzjonali. B’xorti ħażina, il-lotteriji f’pajjiżna huma privati u għalhekk irridu nsibu metodi oħra sabiex l-isport jingħata l-għajnuna finanzjarja meħtieġa.

Ilha tissemma ħafna l-idea ta’ pixxina indoor. Hemm xi żviluppi f’dan ir-rigward?

Iva hemm il-ħsieb li tinbena pixxina indoor u s-sit li ntgħażel huwa proprju fil-Kottonera. Fil-fatt intgħażlet din iż-żona għax konna qegħdin naħdmu biex inġibu fondi Ewropej b’rabta ma’ lokalitajiet li għandhom problemi soċjali. Apparti minn hekk fil-Kottonera nsibu l-Kumpless Sportiv.

Meta tkellimna mal-periti rigward dan il-proġett, dawn qalulna li ż-żona tissodisfa l-bżonnijiet u t-talbiet kollha.

Il-pjanti kollha ġew approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar u fil-ġranet li ġejjin se nkunu qegħdin norganizzaw konferenza stampa sabiex invaraw dan il-proġett ferm ambizzjuż. Bla dubju li ser ikun proġett mill-isbaħ bix-xogħlijiet li għandhom jibdew f’nofs din is-sena.

Sar magħruf ukoll li l-korsa taż-żwiemel fil-Marsa ser tingħata dehra ġdida u se jkun qed isir xogħol intensiv fuqha.

Nista’ ngħid li għamilt diversi snin nattendi regolarment it-tiġrijiet fil-Marsa kull nhar ta’ Ħadd minħabba li xi membri minn tal-familja tiegħi kellhom iż-żwiemel tagħhom.

Illum il-ġurnata meta jkun hemm bżonn li nattendi għal xi avveniment nagħmel dan bil-qalb kollha.

Minn dak iż-żmien meta kont nattendi regolarment sal-lum stajt ninnota li l-bidliet li saru fil-korsa tal-Marsa kienu verament ftit.

Jien kelli ċ-ċans ukoll nattendi għal xi tiġrijiet barra minn pajjiżna u għalhekk nemmen li l-korsa tagħna, la darba tingħata dehra ġdida, tista’ tkun waħda mill-aqwa fil-Mediterran.

Nemmen dan għax il-Marsa huwa ideali ferm bħala post għat-tiġrijiet taż-żwiemel filwaqt li ġeografikament ninsabu f’nofs il-Baħar Mediterran bejn l-Ewropa u l-Afrika.

Il-klima tagħna tgħin ħafna tant li nistgħu nattiraw aktar ġerrejja minn barra u dan jista’ jagħti daqqa t’id fit-turiżmu.

Meta jien ħriġt bl-idea fil-Parlament mal-ewwel sibt l-appoġġ tal-Prim Ministru u l-kabinett sabiex dan il-proġett inressquh ’il quddiem.

Sibna persuna li wriet l-interess li tinvesti s-somma ta’ 18-il miljun ewro sabiex din il-korsa li għandna preżentament fil-Marsa ssir l-aqwa waħda li għandna fil-Mediterran.

Korsa oħra mixtieqa hija dik tal-karozzi. Xi żviluppi hemm?

Eżatt kif lħaqt Segretarju Parlamentari għall-Isport madwar tliet snin ilu, waqqafna kumitat ta’ nies li ġejjin mill-qasam tal-karozzi sabiex nagħmlu studju dwar x’jista’ jsir f’pajjiżna f’dan is-suġġett. Dan il-kumitat ħareġ b’rapport ferm interessanti u fuqu aħna ħriġna sejħa internazzjonali.

Kellna ħames offerti ferm interessanti li ġew studjati bir-reqqa minn dawk kollha involuti sabiex ukoll jintgħażel sit partikolari fejn possibilment tinbena din il-korsa tal-karozzi.

Madankollu qabel ma noħorġu l-affarijiet b’mod uffiċjali qed inkunu kawti ħafna u nistudjaw kollox tant li m’għandux ikun hemm problemi la mal-ambjentalisti u wisq anqas bħala permessi.

Id-dilettanti tal-karozzi jgħidulek li ilhom jistennew sabiex jinbena post għalihom u konvint li għandhom raġun għax ilhom jistennew kważi 50 sena.

Minkejja kollox, kuntent li f’dawn l-aħħar tliet snin mexxejna l-affarijiet mhux ħażin għalkemm meta tkun lesta l-korsa nistgħu ngħidu li nkunu kuntenti.

Min-naħa l-oħra fil-manifest elettorali, aħna għedna li kellu jsir studju biex issir korsa tal-karozzi. Qatt m’għedna li ser tinbena iżda nemmen li mhux talli lħaqna l-objettivi tagħna talli l-pjanijiet qegħdin fi stadju avvanzat.

Kumbinazzjoni ftit tal-ġranet ilu, irċevejt email mill-Malta Motorsport Federation fejn jidher li hemm xi kwistjoni dwar dan is-suġġett.

Iva fil-fatt din l-assoċjazzjoni għamlu konferenza stampa quddiem Kastilja fejn huma qed jagħtu r-raġuni li ddejqu jistennew u jien nifhimhom għax li tistenna kważi 50 sena mhux ċajta.

Huma qed jgħidu li kien hemm xi ftit tad-dewmien f’dan ir-rigward skont ma ntqal fil-manifest elettorali u nħoss li hawnhekk mhumiex daqshekk korretti minħabba li kif għedtlek il-pjan kien li jsir studju mhux li tibda tinbena l-korsa mal-ewwel. Anzi aħna, kif diġà għedtlek nħoss li morna iktar ’il quddiem fil-wegħda tagħna.

U jekk insemmilek l-isport tal-isparar fejn waslu l-pjanijiet sabiex tinbena shooting range f’pajjiżna?

B’xorti ħażina kien hemm perjodu ta’ sentejn fejn kollox waqaf zopptu minħabba każ partikolari.

Il-Gvern kien ħareġ sejħa għall-proposti sabiex sit fil-limiti tal-Mosta magħrufa bħala l-Biżbiżija jingħata lill-kumpanija privata u eventwalment tinbena shooting range ta’ livell internazzjonali.

Kulħadd jaf x’kien ġara dakinhar u kemm qamu rwiefen u għalhekk ridna nkunu kawti qabel ma noħorġu l-affarijiet uffiċjali dwar il-korsa tal-karozzi.

Rigward din il-faċilità tal-isparar, hemm ħafna raġunijiet li huma xi ftit delikati. L-ewwel nett irid ikun post li ma jkunx viċin il-bini residenzjali. Fl-istess ħin l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet sett ta’ linji gwida li wieħed irid isegwi.

Finalment nista’ nħabbar li nstab sit fl-inħawi Ta’ Kandja u ser inkunu qegħdin noħorġu sejħa sabiex dan il-bini ta’ faċilità għall-isparar ikun jista’ finalment jibda.

L-għan tagħna huwa li f’dan il-post inkunu qed nolqtu kull dixxiplina li għandha x’taqsam mal-isparar.

Nitkellmu dwar l-operat ta’ Sport Malta. Żgur li din l-organizzazzjoni għamlet avvanzi kbar f’dawn l-aħħar snin tant li kien hemm ukoll għotja rekord mill-Kumitat Olimpiku Malti. X’tikkummenta dwar dan l-operat?

Jekk immorru lura fiż-żmien stajt ninnota li meta ħadna r-riedni tas-sitwazzjoni f’idejna sibna Kunsill Malti għall-Isport mifni bid-dejn u mgħobbi b’ħafna pagi esaġerati tant li l-operat tiegħu kważi ma baqax sostenibbli. Għalhekk ħadna deċiżjoni li prattikament insalvaw il-vapur.

Grazzi wkoll għat-tmexxija tas-CEO ta’ Sport Malta is-Sur Mark Cutajar ħadna ħsieb li l-vapur ma jegħriqx. Kulħadd għamel is-sagrifiċċji tiegħu u għandi l-pjaċir ngħid li s-sitwazzjoni finanzjarja tjiebet ferm.

Illum il-ġurnata hemm sinerġija kbira bejn is-Segretarjat Parlamentari u Sport Malta għax qed naħdmu id f’id għall-ġid tal-isport f’pajjiżna. Dan jistgħu jindunaw bih l-isportivi kollha.

Il-baġit tal-isport hu li hu, it-talbiet jibqgħu dejjem jiżdiedu għalkemm jien nemmen li wieħed jista’ jagħmel ħafna iktar b’inqas, billi jkun bilgħaqal u dixxiplinat u l-flus jieħu ħsiebhom qishom flusu u rnexxielna ndaħħlu l-mentalità tal-imħabba lejn il-post tax-xogħol.

M’hemmx dubju li saru avvanzi kbar fis-Segretarjat Parlamentari tiegħek u anke fi Sport Malta. Madankollu, ma jallarmakx il-fatt li l-obeżità f’pajjiżna kompliet tiżdied?

Ir-rata ta’ obeżità f’pajjiżna hija problema kbira ħafna. Anke l-Ministru għas-Saħħa, l-Onorevoli Chris Fearne ukoll semmieha tant li qiegħda fuq quddiem fl-aġenda li trid tiġi mwettqa. Lili tinkwetani l-aktar għax minkejja l-isforzi kollha li qed isiru xorta bqajna l-iktar pajjiż fl-Ewropa b’rata ta’ obeżità għolja. Nerġa’ ngħid però li l-investiment fl-isport huwa importanti u inutli ngħidu li rridu aktar parteċipazzjoni tan-nies fl-attività fiżika jekk b’xi mod ma nħajruhomx jibdew jieħdu sehem fl-isport.

Riċentament Sport Malta nediet programm imsejjaħ MOVE 360 fejn f’esperiment pilota ġbarna xi tfal mill-Kulleġġ Santa Margerita fil-Kottonera u bdejna neħduhom sal-kumpless sportiv wara l-ħin tal-iskola. Dawn wara li jagħmlu x-xogħol tad-dar kien qed ikollhom lezzjonijiet interessanti mill-istudenti tal-ITS dwar kif għandek tagħmel lunch tajjeb għas-saħħa u li jiswa ftit flus. Kellna wkoll l-assistenza tal-Health Promotion Unit fejn kellna tobba u persuni ġejjin mill-qasam tas-saħħa li bdew jiċċekkjaw snien it-tfal u fl-istess ħin jiżnuhom sabiex fl-aħħar jispiċċaw b’attività fiżika. Dan il-proġett dam għaddej sitt xhur u ħriġna b’riżultati li taw stampa ċara kemm li persuna tiċċaqlaq u tipprattika xi tip ta’ attività huwa ta’ benefiċċju għax ċerti tfal naqsu mill-piż tagħhom. Għalhekk naħseb li wasal iż-żmien sabiex noffru dawn it-tip ta’ attivitajiet biex innaqqsu din il-problema tant kbira għall-pajjiżna. Kull sena f’Settembru Sport Malta flimkien mal-pajjiżi kollha Ewropej, torganizza MoveWeek fejn isiru xi attivitajiet fiżiċi għall-poplu inġenerali. Madankollu b’xorti ħażina xorta għadna fuq quddiem f’din l-istatistika ta’ ħxuna żejda f’pajjiżna.

Fl-aħħar nett nixtieqek tgħaddi messaġġ lil dawk il-ġenituri tat-tfal li xi kultant isostnu li l-iskola hija aktar importanti mill-isport.

L-isport huwa mezz kif wieħed jitgħallem jagħmilha ma’ ħaddieħor u fl-istess ħin jagħti ċertu sens ta’ dixxiplina. Lil dawn il-ġenituri ngħidilhom li l-istatistika turina li dawk it-tfal li jilagħbu f’xi sport partikolari u jistudjaw iġibu marki ferm tajbin fl-eżamijiet. Huwa importanti li sa minn età żgħira t-tfal filwaqt li jagħtu l-importanza meħtieġa lil-lat akkademiku jipprattikaw ukoll xi sport partikolari. Is-suċċess li kellha l-Iskola Nazzjonali tal-Isport tixhed dan kollu. Allura ejja nħajru aktar tfal jieħdu sehem attiv f’xi sport ħalli jkollna soċjetà aktar b’saħħitha kemm fiżikament kif ukoll intelletwalment.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend