Malta fost il-ftit pajjiżi fejn hemm nisa jmexxu; bżonn urġenti ta' aktar | One News

Malta fost il-ftit pajjiżi fejn hemm nisa jmexxu; bżonn urġenti ta’ aktar

Pajjiżna huwa wieħed mill-ftit pajjiżi madwar id-dinja fejn hemm nisa jmexxu. Dan skont rapport tan-Nazzjonijiet Magħquda li minkejja li pajjiżna miexi fit-triq it-tajba l-mexxejja ta’ stat jew Gvern nisa niżel minn 19 għal 17 fl-2015 madwar id-dinja.

F’pajjiżna għandna rappreżentanti nisa fil-Parlament filwaqt li waħda mill-ogħla figuri tal-pajjiż, il-President, hija ukoll mara.

Ir-rapport jinnota li n-numru ta’ nisa fil-Parlament madwar id-dinja qed jibqa’ baxx. Il-medja ta’ nisa fil-Parlament żdiedet minn 22.6% fl-2015 għal 23.3% fl-2016.

In-numru ta’ Ministri nisa ma nbidilx wisq mill-2015 hekk kif żdied minn 730 għal 732. Meta nħarsu biss lejn l-Ewropa, dan il-persentaġġ żdied minn 21.6% fl-2015 għal 22.5%. Kienu r-Renju Unit u r-Rumanija l-iktar żewġ pajjiżi li matul l-2016 kellhom Ministri nisa.

F’pajjiżna d-diskussjoni tal-bżonn li aktar nisa jidħlu fil-Parlament ma taqta’ xejn, bid-diskussjoni ħafna drabi ddur dwar jekk għandhomx jintużaw il-kwoti jew le. Bl-argument ewlieni jkun dak li ladarba, eżempju, f’pajjiżna għandha nofs il-popolazzjoni nisa jeħtieġ li n-nisa jkunu rappreżentati fil-Parlament.

Dan ir-rapport juri li n-norma li jkunu aktar l-irġiel li jfittxu li jidħlu fil-politika u jiġu eletti fil-Parlament nsibuha madwar id-dinja kollha.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend