Mhix problema li l-Awditur Ġenerali jinvestiga | One News

Notifiki

Mhix problema li l-Awditur Ġenerali jinvestiga

Il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela qal li ma jsib ebda problema li l-Awditur Ġenerali jinvestiga d-direct order mogħti mill-ministeru tiegħu għal tibdil u installar mill-ġdid ta’ network fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u ċ-ċentru li jilqa’ liż-zgħażagħ sabiex tkun tista’ ssir sorveljanza aħjar taż-żewġ postijiet fejn jinżammu dawk il-persuni li jkunu qed jiskontaw sentenza.

Nhar it-Tlieta, il-kelliem nazzjonalista Jason Azzopardi qal li l-Oppożizzjoni se titlob lill-Awditur Ġenerali jinvestiga.

Fil-Parlament il-biertaħ, il-Ministru assigura li l-Awditur se jsib il-koperazzjoni sħiħa tal-uffiċjali tal-ministeru jekk jagħmel din l-investigazzjoni.

Qal li huwa m’għandux x’jaħbi tant li kien hu li bi tweġiba għal mistoqsija parlamentari qal li x-xogħol għadu għaddej u ser tiġi jiswa €880,000 (VAT eskluż) u li l-approvazzjoni finali għal dan ix-xogħol ingħatat fl-14 ta’ Diċembru 2016.

Il-Ministru spjega li l-kumpanija Go kien ilha snin twal tagħel dan ix-xogħol fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u kienet anke tuża s-sistema ta’ sub-contracting. Dan kien isir anke taħt amministrazzjonijiet preċedenti. Issa l-Go ddeċidiet li ma tkomplikx tagħmel dan ix-xogħol għax għandha xogħol ieħor. Kien minn hawn, qal li l-kumpanija li kienet qed tagħmel is-sub contracting baqgħet tagħmel ix-xogħol f’Kordin.

F’rapport li kien għamel, Martin Scicluna kien irrikmanda biex il-Ministeru jieħu ħsieb urġenti s-servizzi tal-IT u s-sistemi tas-CCTV cameras għax dawn kienu fi stat ħażin.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Abela qal li bejn l-2013 u dis-sena, applikkaw 406 għall-parole, li minnhom 71 ġew aċċettati.

Qal ukoll li fil-waqt li fl-2009 saru biss 252 test tal-urina għad-droga, is-sena l-oħra saru 1,846.

Il-Ministru appella lill-Oppożizzjoni tkun aktar responsabbli u twaqqaf in-negattività u t-tgħajjir għal kull ħaġa li jagħmel il-gvern.

 

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend