Ebda ndħil politiku fil-każ ta' droga f'Għawdex | One News

Notifiki

Ebda ndħil politiku fil-każ ta’ droga f’Għawdex

  • Inkjesta tikkonkludi li l-istqarrijiet tal-akkużati ma nbidlux
  • Ma saritx il-laqgħa fejn issemmew il-ministri
  • Iż-żgħażagħ li ssemmew tressqu l-Qorti

Mill-inkjesta indipendenti dwar il-każ ta’ allegat indħil biex żgħażagħ bidlu l-verżjoni tagħhom f’każ ta’ droga f’Għawdex, irriżulta li ttieħdu l-proċeduri kollha neċessarji kontra l-persuni nvoluti u l-l-pulizija mxiet mal-proċeduri kollha stabbiliti. Irriżulta wkoll li ma nbidlet l-ebda stqarrija li ż-żgħażagħ involuti taw lill-pulizija. Mill-fatti ħareġ ukoll li ma kienx hemm laqgħa bejn żewġ ministri dwar dan il-każ.

Il-Gvern ippubblika b’mod sħiħ ir-rapport tal-Bord ta’ Inkjesta li twaqqaf biex jeżamina iċ-ċirkustanzi kollha li wasslu biex żgħażagħ li ssemmew fil-Maltatoday allegatament bidlu l-istqarrija li kienu għamlu mal-Pulizija. L-allegazzjoni kienet li għamlu dan wara l-arrest tagħhom b’riżultat tal-intervent ta’ xi uffiċjali pubbliċi.

Il-Ministri Emmanuel Mallia u l-Ministru Anton Refalo kienu l-Ministri li ġew mistoqsija dwar dan fil-mezzi tax-xandir. Iżda mill-istħarriġ  irriżulta li qatt ma saret laqgħa, kif allegat, f’Ottubru 2013 bejn dawn iż-żewġ ministri u iktar minn hekk qatt ma ntalbet skorta jew kien hemm skorta mal-Ministru Mallia f’ebda okkażjoni li fuqha tela’ Għawdex fil-vesti uffiċjali.

Dawn huma l-fatti li rriżultaw mir-rapport tal-Bord tal-Inkjesta:

–        F’Ġunju tal-2013 żewġ żgħażagħ (tfajla u ġuvni) ġew arrestati waqt Caliente Party fi Mġarr ix-Xini billi nstab li kienu fil-pussess ta’ kwantita’ sinifikanti ta’ droga.

–        Il-Pulizija nterrogat liż-żgħażagħ fl-istess jum, is-16 ta’ Ġunju 2013, u t-tfajla rrilaxxjat żewġ stqarrijiet lill-Pulizija, filwaqt li l-ġuvni rrilaxxja l-istqarrija tiegħu.

–        Wara ammissjoni taż-żagħżugħa ta’ pussess ta’ droga, it-tfajla ngħatat sentenza mill-Qorti tal-Maġistrati. Il-ġuvni ġie akkużat diversament quddiem il-Qorti, u l-każ tiegħu huwa pendenti.

–        F’Settembru 2013 ġie arrestat żagħżugħ f’każ separat f’Marsalforn. Huwa kellu weraq tad-droga cannabis. Saret tfittxija fil-vettura tiegħu kif ukoll fir-residenza tiegħu. Huwa rrilaxxja stqarrija lill-Pulizija , u f’Diċembru 2013 inħarġet taħrika biex jihder quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex). Fl-14 ta’ Ottubru 2014 ingħatat sentenza fil-konfront ta’ Christopher Vella.

–        Irriżulta li l-Pulizija aġġixxiet, fil-każ tat-tliet żgħażagħ li ġew individwati, skont proċeduri stabbiliti.

L-inkjesta tgħid: “In partikolari fejn fir-rapportaġġ fil-Maltatoday ġie allegat illi ż-żagħżugħa Zael Vella marret titlob lill-Pulizija biex tvarja stqarrija min-naħa tagħha fis-sens illi ż-żagħżugħ mill-Munxar ma kienx “her source for drugs” (Maltatoday, 12.03.2017), il-Bord ma sab l-ebda konfort li jiġġustifika din l-allegazzjoni fl-assjem tal-provi li tressqu.”

L-inkjesta tkompli: “Skont is-sens komun jekk mhux għall-ebda raġuni oħra ladarba kif ġie konfermat Zael Vella wara s-sentenza li ngħatat f’Ġunju 2013, qatt ma avviċinat lill-Pulizija biex “tvarja” l-istqarrijiet li kienet għamlet, xi ħtieġa ħtieġa seta’ jkun hemm illi tintervjeni forza “esterna” biex twassalha li tibdel dak li qatt ma seta’ ġie mibdul?”

Dan ifisser li mill-inkjesta jirriżulta li l-istqarrija tal-Pulizija miż-żagħżugħa ma nbidlitx, kif allegat fir-rapport tal-Maltatoday. Iktar minn hekk iż-żgħażagħ kollha għaddew mill-proċess kollu billi ġew arrestati, tnejn minnhom għaddew minn proċess fejn anke saħansitra għandhom sentenza fil-konfront tagħhom u żagħżugħ ieħor saħansitra għadu għaddej proċeduri kriminali. 

Fid-dawl ta’ dawn il-fatti, l-inkjesta tgħid:

“Il-Bord iħoss id-dover li jissottolinea li hawnhekk mhuwiex il-każ biss u unikament illi ma nġieb l-ebda ħjiel ta’ prova kwalsiasi li seħħ l-intervent ta’ xi politiku biex jiġi protett jew aġevolat xi ħadd li kien qed jiġi investigat mil-Pulizija. Aktar minn hekk, ġie pprovat quddiem il-Bord illi l-proċess fil-konfront tat-tliet żgħażagħ tmexxa mill-Pulizija b’mod korrett u gwidat mill-proċeduri legalment applikabbli. Dan senjatament fejn wieħed mit-tliet żgħażagħ li għalihom sarret riferenza f’dan ir-Rapport attwalment jinsab ipproċessat fil-Qorti b’akkużi ta’ traffikar tad-droga.”

pr170905a
Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend