L-MIA mistenni jara aktar passiġġieri fix-xhur tas-Sajf | One News

Notifiki

L-MIA mistenni jara aktar passiġġieri fix-xhur tas-Sajf

  • 1,662,659 passiġġier jgħaddu mill-MIA waqt ix-xhur tax-xitwa
  • It-traffiku tal-ajruport jiżdied b’25% bejn Novembru u Marzu
  • Tnedijiet ġodda għas-sajf: Bordeaux u Skopje, bidu tal-operat ta’ Eurowings u Condor

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ ’l fuq minn 1.6 miljun passiġġier tul il-perjodu tax-xitwa, bejn Novembru u Marzu. B’titjiriet ġodda l-Ajruport qed ibassar li bl-introduzzjoni ta’ rottot ġodda se jkun qed jara aktar passiġġieri.

Iċ-ċifra tax-Xitwa ssarraf f’żieda ta’ 25% fit-traffiku, u ntlaħqet b’mod parallel ma’ tkabbir ta’ 19% fil-movimenti tal-ajruplani u titjib ta’ 26% fil-postijiet disponibbli fuq ittitjiriet.

Is-CEO tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta esprima s-sodisfazzjon tiegħu b’din il-prestazzjoni u żied jgħid:“Issa nedejna l-iskeda tas-sajf tagħna u l-programm Cruise and Fly, li bejniethom mistennijin jikkontribwixxu għal numri akbar ta’ passiġġieri u jiem aktar impenjattivi. Ser inkunu qed niffukaw b’mod partikolari fuq l-għoti tal-aqwa esperjenza fl-ajruport lil kull wieħed mill-passiġġieri tagħna, minkejja x-xogħlijiet li għandna għaddejjin fl-erba’ kantunieri tat-terminal. Sadanittant, it-tim responsabbli mill-iżvilupp tat-traffiku qed iħares ’il quddiem lejn ix-xitwa li ġejja u qed jagħmel kull sforz biex din tkun waħda tajba daqs dik li għadha kemm għaddiet, f’konformità mal-impenn tagħna li nkomplu nikbru tul is-sena kollha b’mod sostenibbli.”

L-aqwa ħames kontributuri tat-traffiku lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kienu:

  • Renju Unit
  • Italja
  • Ġermanja
  • Belġju
  • Franza

Dawn is-swieq kollha esperjenzaw diversi livelli ta’ tkabbir wara li kien hemm żviluppi bħall-introduzzjoni ta’ rotot ġodda lejn Katanja, il-Ġermanja u Franza u titjiriet aktar frekwenti fuq rotot eżistenti.

L-istaġun ingħalaq b’Marzu jirreġistra żieda ta’ 53,795 moviment tal-passiġġieri fuq l-2016, minkejja li s-sena li għaddiet l-Għid, li jġib miegħu żieda fit-traffiku, ħabat f’Marzu. Ix-xahar li għadda ġew imnedija wkoll żewġ rotot ġodda – Katowice fil-Polonja u Cluj-Napoca fir-Rumanija, u fil-ġimgħat li ġejjin mistennijin li jinfetħu aktar konnessjonijiet ġodda.

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed jantiċipa jiem impenjattivi ħafna u l-passiġġieri huma avżati biex ikunu t-terminal tal-anqas sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq tat-titjira tagħhom.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend