Tkompli t-tfittxija għar-raġel li prova jwettaq abort… il-mara għadha l-isptar – One News

Notifiki

Tkompli t-tfittxija għar-raġel li prova jwettaq abort… il-mara għadha l-isptar

 

Il-Libjan ta’ 33 sena li huwa fiċ-ċentru ta’ investigazzjoni tal-pulizija wara li f’dar fis-Swieqi prova jwettaq abort fuq is-sieħba tiegħu ta’ nazzjonalità Marokkina għadu qed jiġi mfittex.

Sfortunatament, l-att kriminali li prova jwettaq l-allegat aggressur jidher li rnexxa, hekk kif l-omm qed tesperjenza kumplikazzjonijiet diffiċli fit-tqala tagħha.

Dwar dan il-każ li seħħ il-Ħadd, il-Pulizija fetħet inkjesta maġisterjali u qed tiġi assistita ukoll mill-Europol hekk kif huwa maħsub li l-Libjan, Ashraf Ammar Marghami, ħarab minn pajjiżna.

Kien irrapportat li l-mara, li għandha tliet itfal oħra, kellha xahrejn tqala.  Kienet bint il-mara li fl-età ta’ ħmistax-il sena li quddiem wiċċha rat ix-xena tal-biża.

Kien irrapportat li l-mara u r-raġel Libjan ilhom f’relazzjoni għal diversi xhur u meta r-raġel sar jaf li l-mara ħarġet tqila r-relazzjoni tagħhom bdiet sejra lura.

Il-pulizija ġew mgħarrfa kif ir-raġel sforza lis-sieħba fil-kamra tal-banju u rabtilha saqajha u idejha b’tape oħxon magħruf bħala dutape. Hu naddaf is-sikkina bil-gin u wara uża lighter biex is-sikkina tieħu n-nar.

Il-Pulizija qed tistabillixxi f’liema stadju kien wasal l-att kriminali qabel mal-Libjan ħarab minn fuq il-post. Dan għax huwa mifhum li s-sikkina ma kinitx għada ntużat mill-aggressur.

Filfatt sorsi li tkellmu ma’ One News qalu li l-mara ma kelliex ġrieħi li setgħu ġew ikkawżati minn sikkina.  Madanakollu, l-mara ttieħdet l-isptar Mater Dei għall-kura kawża tal-ġrieħi li ġarrbet.

Għad mhux magħruf lanqas x’waqqaf lir-raġel milli jwettaq l-att kriminali. Is-sorsi li tkellmu ma’ One News qalu li r-raġel Libjan hu magħruf sew mal-Pulizija dan hekk kif kien involut f’każi ta’ ġlied u serq.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend