“L-ikbar biża’ tiegħi hija li mhux se nkun parteċipi biżżejjed fit-trobbija ta’ wliedi” – One News

Notifiki

“L-ikbar biża’ tiegħi hija li mhux se nkun parteċipi biżżejjed fit-trobbija ta’ wliedi”

Dan l-aħħar smajna ħafna dwar il-bżonn ta’ aktar nisa fil-Parlament. Meta jissemma dan l-argument, jissmmew żewġ affarijiet, ġeneralment. Jibda d-dibattitu dwar għandux ikun hemm kwoti, u jiġi diskuss il-fatt li l-ħinijiet li jaħdmu Membri Parlamentari mhumiex tajbin għal min irid irabbi familja.

Hawn, abbli min huwa ġenitur u jaħseb ftit iktar fil-fond jiddarras. Mela l-missirjiet m’għandux ikollhom ħinijiet ‘family-friendly’ wkoll?

Propju fuq hekk tkellimna mal-Membru Parlamentari Silvio Schembri, għax għadu kemm sar missier għat-tieni darba.

“Il-ħajja ta’ ġenitur fil-politika mhix faċli! Jien bniedem li l-familja u d-dar inħobbhom ħafna, però minħabba impenji politiċi u s-sistema politika Maltija, il-ħin mal-familja jonqos ħafna.

Riċentement erġajt sirt missier, din id-darba ta’ tifla.

Kull filgħodu jkolli għafsa ta’ qalb kbira għax naf li se nitlaq kmieni mid-dar u qabel tard bil-lejl mhux se nerġa’ nidħol.

Wara x-xogħol tiegħi mmur niftaħ l-uffiċċju fejn niltaqa’ mal-kostitwenti u wara nibqa’ sejjer il-Parlament fejn seduta normali tispiċċa fid-9.00 p.m. u meta jkun hemm xi voti din iddum ħafna aktar.

Il-Ħamis u l-Ġimgħa meta ma jkunx hemm Parlament,  immur inżur il-kostitwenti fid-djar tagħhom biex nara li l-kuntatt magħhom ikun wieħed kontinwu.

Wara mmur id-dar fejn insib lill-mara, għajjiena mejta, però tistennieni biex nieklu. It-tifel, li llum se jagħlaq tliet snin, jiġi jifraħ bija u jkun irid jilgħab miegħi, iżda wara ftit jorqod għaliex ikun sar il-ħin.

Matul il-lejl nipprova nqum jien nisqi lit-tifla biex inserraħ ftit lill-mara.

L-ikbar biża’ tiegħi hija li bħala missier mhux se nkun parteċipi biżżejjed fit-trobbija ta’ wliedi.

Iva, il-ħajja ta persuna fil-politika lil hinn jekk hux mara jew raġel hija diffiċli u għalhekk jeħtieġ li jekk verament irridu li aktar nies jiddedikaw ruħhom għall-politika hemm bżonn li l-politika tiġi aktar “family friendly” speċjalment fejn jidħlu l-ħinijiet tas-seduti parlamentari”.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. X’qed titlef my friend!!!!! Ghamel hiltek halli jinbidel il-mudel u l-hinijiet tal-Parlament taghna. Naqqsu dawk id-69 membru, u flokhom jidhlu t-tekknokratici. Qed naraw b’ghajnejna, li nies kapaci jrid ikollok biex tmexxi pajjiz, mhux numru kbir li parti sewwa minnhom bla sugu. Li jkun hemm jigu full timers b’hinijiet addattati. B’hekk ma jkollniex bzonn kwoti, u taraw kif in-nisa kapaci daqs jekk mhux aktar mill-irgiel.

Leave a Reply to A Zammit Cancel reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend