Jinħatar il-Bord tal-Uffiċċju għall-Irkurpru tal-Assi – One News

Notifiki

Jinħatar il-Bord tal-Uffiċċju għall-Irkurpru tal-Assi

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici ħatar il-membri tal-Board tal-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi (Asset Recovery Bureau), li se jservu f’din il-kariga għat-tliet snin li ġejjin.

Iċ-chairperson huwa l-Imħallef Emeritu Joseph David Camilleri. Il-membri huma: is-Superintendent Ian Abdilla fil-kapaċità tiegħu ta’ rappreżentant tal-Kummissarju tal-Pulizija; Marvin Gaerty fil-kapaċità tiegħu ta’ Kummissarju tat-Taxxi; Frank Mercieca fil-kapaċità tiegħu ta’ Direttur Ġenerali tal-Qrati tal-Ġustizzja; Kenneth Farrugia fil-kapaċità tiegħu ta’ Direttur tal-FIAU.

L-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi (Asset Recovery Bureau) kien twaqqaf lejn l-aħħar tas-sena 2015, permezz ta’ regolamenti maħruġa taħt il-Kodiċi Kriminali. Sadanittant, kien twaqqaf Board temporanju, immexxi mis-Sur Frankie Mercieca, biex iħejji l-ħidma inizjali. Il-Gvern ħass li l-Imħallef Emeritu Camilleri għandu l-esperjenza kollha, b’karriera impekkabbli fil-ġudikatura wara dahru biex jibni Uffiċċju awtorevoli u li jgawdi rispett u stima.

B’dan il-pass se tissaħħaħ iktar minn qatt qabel il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.

Il-liġi Maltija ilha s-snin tipprovdi għall-konfiska tal-oġġett li bih ikun sar reat kriminali. Matul iż-żminijiet, iddaħħlu diversi miżuri biex ikun jista’ jinqabad dak li ġej minn reati kriminali, bħal m’huma l-ordnijiet tal-iffriżar li permezz tagħhom il-proprjetà ta’ min ikun għaddej proċeduri dwar ċerti reati tiġi ffriżata fis-sens li din tkun maqbuda, ma tkunx tista’ tiġi trasferita, u dan biex tiġi eventwalment konfiskata.

It-twaqqif tal-Uffiċċju kien il-pass li jmiss biex il-proprjetà li tkun ġejja minn attività kriminali tkun tista’ tiġi identifikata, tinqabad, u  tiġi amministrata b’mod li ma titħalliex tiddeterjora jew tiġi sparpaljata u tintuża b’mod illi huwa ta’ ġid għall-komunità, u b’mod għalhekk li jiskoraġġixxi l-kriminalità billi jipprova lil min ikun wettaq ir-reat mill-benefiċċju ta’ dak ir-reat.

L-Uffiċċju se jkollu l-funzjoni li jintraċċa, iżomm, jiġbor u jippreżerva, jamministra u jbigħ proprjetà maqbuda fuq deċiżjoni tal-Qorti bħala li proprjetà rikavata minn reati kriminali. L-Uffiċċju għandu wkoll funzjonijiet estensivi oħra dwar proprjetà li tkun ġejja minn reati bħal, per eżempju, li jara li l-qliegħ li jkun ġej minn attività illegali titħallas it-taxxa fuqu.

L-Uffiċċju jkollu d-dritt illi jieħu passi biex kull sekwestratarju li jkollu proprjetà li tkun maqbuda b’ordni ta’ sekwestru, jew b’ordni ta’ ffriżar, jgħaddi dik il-proprjetà lill-Uffiċċju fuq ordni tal-qorti fuq talba tal-Avukat Ġenerali.

Il-pass li jmiss huwa li l-Board ifassal il-politika tiegħu u jibda l-proċess għat-twaqqif ta’ Direttorat li jwettaq l-investigazzjonijiet u jesegwixxi l-funzjonijiet tal-Uffiċċju.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend