Birżebbuġa Regatta – meta se jieħdu li ħaqqhom?! | One News

Notifiki

Birżebbuġa Regatta – meta se jieħdu li ħaqqhom?!

Ir-regatta tradizzjonali relatata maċ-ċelebrażżjonijiet ta’ Jum il-Ħelsien ġiet u għaddiet. Bormla rebħu ix-shields taż-żewġ kategoriji tal-kompetizzjoni, ċioe dik tal-Kategorija Open u Kategorija B. Fit-tieni post, fiż-żewġ kategoriji wkoll, ġie r-raħal ta’ Birżebbuġa fejn irnexxielhom jirbħu tmien palji minn għaxar tiġrijiet.

Bħala dilettant tal-klabb ta’ Birżebbuġa, nkun qed nonqos jekk ma naqsamx ħsibijieti, u d-diffikultatjiet tagħhom, magħkom il-qarrejja.

Propju sena ilu, kont ktibt fuq blog personali tiegħi rigward dan il-klabb wara li kien rebaħ ix-Shield tar-regatta kontra kull mistenni. Ir-raġuni li kont ktibt kien l-iktar dwar il-mirakli li qed jgħamlu meta wieħed jikkunsidra d-diffikultajiet li dan il-klabb qed jiffaċċja – speċjalment fejn jidħlu faċilitajiet u loġistika, u li wasal iż-żmien li dan il-klabb jingħata dak li ilu jistinka għalih.

Il-klabb ta’ Birżebbuġa kien reġa’ twaqqaf ftit tas-snin ilu, u matul dawn is-snin irnexxielu jirbaħ ix-shields fiż-żewġ kategoriji u anki rebaħ diversi palji matul id-diversi  tiġrijiet. Iżda żgur li l-ikbar unur li għandu dan il-klabb huwa l-qaddiefa żgħażagħ li qed irawwem, bil-maġġoranza tagħhom kollha tfal minn Birżebbuġa stess. Il-kumitat huwa ħabrieki, l-qaddiefa huma dedikati ħafna, id-dgħajjes huma armati, iżda hemm ostaklu kbir loġisitiku li qed iwaqqaf milli dan il-klabb ikompli jikber. Dawk dilettanti tar-regatta jistgħu jixhdu dan kollu

Għal dawn l-ahhar snin, il-klabb ilu jirsisti sabiex ikollu l-maħżen u propjetà tiegħu minn fejn jopera. Għalkemm kien hemm avvanzi żgħar fejn tidħol l-art li hija identifikata għal dan il-proġett, il-proċess qed jieħu wisq fit-tul. Tajjeb illi ngħidu li dan id-dewmien qed iseħħ meta għadu lanqas biss beda l-proċess tat-tender!

Bħalissa l-klabb qed jopera minn żewġ kontejners tal-ħadid f’Birżebbuġa, fejn fihom iħallu l-opri tal-baħar tagħhom, u fl-istess ħin iridu jagħmlu l-manutenzjoni meħtieġa. Apparti dawn iz-zewg kontejners, il-klabb ingħata maħżen temporanju fil-baċir tal-Birgu (li l-kundizzjoni tiegħu mhix mill-aqwa) fejn fih jistgħu jpoġġu d-dgħajjes tagħhom kif ukoll jużawh biex ivaraw għat-taħriġ. Dan in-nuqqas ta’ faċilitajiet ma jgħamilx ġustizzja mal-membri ta’ dan il-klabb. Sadanittant, iktar ma jdumu ma jkollhom post adegwat, iktar qed ikollhom jonfqu flus fil-manutenzjoni tad-dgħajjes kif ukoll spejjeż loġistiċi oħra sabiex ikunu jistgħu jitħarrġu sew għall-kompetizzjonijiet. Meta kkumparat ma’ klabbs ta’ distretti oħra, l-klabb ta’ Birżebbuġa huwa l-iktar wieħed żvantaġġjat fejn tidħol loġisitika u propjetà. Madanakollu, dawn id-diffikultajiet għadhom ma qatgħux qalb il-kumitat u qaddiefa li qed jissieltu kontra l-kurrent u xorta waħda jirnexxielhom jiksbu riżultati tajbin fil-kompetizzjonijiet nazzjonali – konferma oħra li l-klabb huwa b’saħħtu u li ħaqqu jkun appoġġjat.

Intqal ħafna kliem minn diversi esponenti. Ċerti affarijiet sar progress fuqhom, iżda huwa inaċċettabbli  l-proċess burokratiku u tkaxkir tas-saqajn li qed jiffaċċja dan il-klabb. Il-kumitat, bin-nuqqasijiet kollha tiegħu, qed jirsisti kemm jiflaħ sabiex il-membri, volontiera u qaddiefa jkunu jistgħu jaħdmu b’mod diċenti li jirrifletti s-seklu wieħed u għoxrin!

Nittama li naraw progress reali u tanġibbli fiż-żmien li ġej. Min hawn nixtieq nirringrazzja pubblikament lill-kumitat kollu u qaddiefa li qed izommu dan il-klabb ħaj, u talli f’kull regatta jirnexxielom jagħmlu unur lil Birżebbuġa – kontra kull kurrent!

Ta’ QabelLi Jmiss
Chris Balzia għandu 30 sena u jgħix Birżebbuġa. Studja l-inginerija tal-avjazzjoni fil-kulleġġ tal-MCAST. Waqt li kien qed jaħdem f’dan is-settur, reġa’ ssokta bl-istudju tiegħu fejn ggradwa mill-Università ta’ Londra b’Diploma fl-Ekonomija. Bħalissa jinsab għaddej bl-istudji tiegħu għal Degree fil-Management. L-attiviżmu politiku minn dejjem kien jinteressaħ u jassoċja ruħu mal-ideali poltiċi xelluġin. Matul il-hajja studenteska tiegħu kien attiv mal-għaqda Pulse fejn anki serva għal diversi snin fl-eżekuttiv tal- għaqda. L-impenn politiku kompla bl-involviment fil-fergħa tal-Forum Żgħażagħ Laburisti ta’ Birżebbuġa u fl-eżekuttiv tal-FZL mill-2011 sa Frar tal-2016. Apparti l-interess fil-politika, impenn ieħor għal qalbu huwa l-iScouting. Chris ilu membru tal-iScouts mill-eta’ ta' sebgħa snin u baqa’ attiv fl-istess assoċjazzjoni fejn bħalissa jokkupa l-kariga ta’ Scout Leader mall-grupp ta' Birżebbuġa.

Send this to a friend