X'NAFU S'ISSA DWAR IL-QTIL TA' BRANDON PACE | One News

Notifiki

X’NAFU S’ISSA DWAR IL-QTIL TA’ BRANDON PACE

Il-jum tat-Tnejn kien jum ta’ investigazzjoni intensiva għal pulizija mid-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali u d-Distrett tal-Ħamrun, li l-Ħadd filgħaxija ssejħu l-Ħamrun  fuq il-ħames  delitt tas-sena.

B’rabta ma’ dan id-delitt, li ħalla vittma żagħżugħ ta’ wieħed u għoxrin sena bl-isem ta’ Brandon Pace, kienet arrestata familja; Missier, Omm u iben.

Il-każ seħħ il-Ħadd ftit qabel it-tmienja neqsin kwart ta’ filgħaxija u persuni viċin l-investigazzjoni spjegaw kif kien hemm argument bejn l-allegat agressur u l-vittma, li joħroġ mat-tfajla li minnha l-agressur għandu iben.

Fil-fatt qed ikun allegat li l-agressur, Kurt Grech, kien qed jilmenta li Pace kien qed jistma ħażin lil ibnu. L-argument beda fuq it-telephone sakemm eskala tant li Grech, ommu u missieru marru fuq il-post fil-qasam tad-djar tal-Ħamrun.

Hemm kien hemm ġlieda bis-skieken u l-madum li minnha ħareġ l-agħar Pace li miet f’idejn oħtu. F’dak il-mument instemgħet tidwi l-għajta “Ħadulna l-Brandon” filwaqt li l-allegati agressuri ħarbu minn fuq il-post. Madwar siegħa u nofs wara kienu arrestati.

Grech li wkoll sofra xi ġrieħi ittieħed b’ambulanza l-isptar Mater Dei fejn kien għadu jinżamm għall kura tul il-jum tat-Tnejn.

Fid-depot kienu interrogati ommu u missieru, filwaqt li fil-Ħamrun id-delitt kien fuq fomm ħafna li jafu sew lill-persuni involuti.

It-Tnejn filgħodu d-dmija setgħet tidher f’partijiet differenti ta’ Triq Giovanni Barbara, filwaqt li l-preżenza tal-investigaturi fuq il-post setgħet tkun osservata minn ħin għal ħin.

Anke l-esperti tal-Qorti maħtura mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera komplew bl-istħarriġ tagħhom, filwaqt li l-pulizija ftit li xejn kellhom diffikulta biex jiksbu tagħrif dwar il-vittma.

Il-vittma hu magħruf sew mal-Pulizija tant li waqt żjara għall-vittmi tad-droga kien tkellem ukoll ma’ one news dwar l-imgħoddi tiegħu. Dakinhar kien tkellem magħna dwar kif ntbagħat il-ħabs għall-ewwel darba ta’ tmintax il-sena u daħal u ħareġ diversi drabi.  Kien qal ukoll li kien qed jiġġieled il-vizzju tad-droga.

Vizzju qerriedi għalkemm kienet raġuni oħra li ħaditu minn din id-dinja. Fi kliem oħtu fuq facebook “daqstant malajr… ħabta u sabta.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend