Raġel imfittex wara li prova jagħmel abort fuq is-sieħba tiegħu fis-Swieqi | One News

Notifiki

Raġel imfittex wara li prova jagħmel abort fuq is-sieħba tiegħu fis-Swieqi

Il-Pulizija qed tfittex Libjan ta’ 33 sena li allegatament prova jagħmel ‘operazzjoni’ ta’ abort fuq is-sieħba tiegħu, wara li segwa filmati  fuq youtube. Kienet bint il-mara, ta’ ħmistax-il sena, li sabet ix-xena makabra ta’ ommha fil-kamra tal-banju marbuta b’ duct tape.

Dan l-inċident seħħ il-Ħadd wara nofsinhar f’appartament is-Swieqi. Persuni viċin l-investigazzjoni qalu li mill-ewwel stħarriġ jirriżulta li l-mara kellha xahrejn tqala. Il-mara għandha ukoll tliet itfal li għandhom ħmistax, disà u sitt snin rispettivament. Ir-relazzjoni bejn il-mara u s-sieħeb Libjan tagħha li ilhom f’relazzjoni disà xhur iżda jidher li ma kinitx sejra tajjeb minn meta l-koppja saret taf li se jkollha tarbija.

Ir-rapport li għandha l-Pulizija jgħid li r-raġel mfittex, uża l-forza biex ħa lis-sieħba tiegħu fil-kamra tal-banju u rabtilha idejha u saqajha biex ma tkunx tistà tiċaqlaq. L-investigaturi jemmnu li l-agressur pjana dan l-att kriminali wara li ra filmati fuq youtube hekk kif prova jnaddaf is-sikkina biex jagħmel l-operazzjoni ta’ abort, bil-gin u wara uża lighter biex is-sikkina tieħu n-nar.

Għadu mhux magħruf f’liema stadju l-att kriminali kien wasal meta l-Libjan ħarab mir-residenza iżda huwa mifhum li s-sikkina ma laħqitx intużat. Dan hekk kif il-mara ma kellha ebda feriti kkawżati minn sikkina. Il-vittma qed tinżamm taħt oservazzjoni fl-isptar Mater Dei wara li ġarbet ġrieħi ħfief meta r-raġel uża l-forza biex idaħħalha fil-kamra tal-banju kontra l-volonta tagħha.

Il-gazzetta Times of Malta qed tirraporta li għadu mhux magħruf x’ġiegħel lir-raġel ibiddel fehmtu u jaħrab mir-residenza. Sorsi qalu li l-Pulizija qed tistenna r-riżultati mediċi biex jaraw jekk wara dan l-inċident intilfitx it-tarbija jew jekk il-mara hux qed isofri minn xi kumplikazzjonijiet.

Huwa mifhum li r-raġel imfittex huwa magħruf mill-Pulizija iżda sa issa l-investigazzjonijiet għadhom ma waslux għas-sejba tar-raġel.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend