Parir lil tal-ħwienet: il-konsumaturi qed jirfsu l-għatba tal-ħanut diġà informati sew | One News

Notifiki

Parir lil tal-ħwienet: il-konsumaturi qed jirfsu l-għatba tal-ħanut diġà informati sew

Studju li ġie kkummisjonat mill-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (l-MCA) f’Lulju tas-sena 2016, jiżvela li iktar minn tliet kwarti tal-konsumaturi (ta’ kull età) f’Malta u Għawdex jużaw l-Internet.

Minkejja li l-laptop/desktop jibqa’ l-apparat l-iktar komuni fost il-maġġoranza tal-utenti tal-Internet, l-ismartphones u t-tablets qegħdin aktar ma jmur isiru popolari, b’żieda ta’ 29% u 17% rispettivament f’dawn l-aħħar sentejn.

L-istudju jiżvela li iżjed konsumaturi saru jużaw l-Internet, anke waqt xiri. Fil-fatt, l-Internet huwa meqjus bħala l-ewwel mezz li l-konsumaturi jikkonsultaw sabiex jfittxu dwar prodotti u/jew bejjiegħa qabel jixtru.

Interessanti illi madwar 70%  tal-utenti tal-Internet jagħmlu dan, irrispettivament jekk ix-xiri  ssirx onlajn jew minn ħanut.

Min-naħa l-oħra, huma biss 19% li jippreferu jżuru l-ħanut għal iktar informazzjoni qabel jixtru prodott jew servizz. L-istudju jiżvela wkoll li 66% tal-individwi  ta’ eta bejn 18 u 29 sena, li jaċċessaw l-Internet fuq il-mowbajl, jużawh waqt li qed jixtru fil-ħwienet; kemm biex ifittxu għal iktar informazzjoni dwar xi prodott partikolari u anke biex iqabblu l-prezzijiet.

L-istudju jħares ukoll lejn l-mod ta’ kif il-konsumaturi qegħdin jużaw-midja soċjali. Illum, il-konsumaturi qegħdin  ukoll jużaw l-Internet sabiex jinteraġixxu mal-bejjiegħa b’mezzi differenti. Fil-fatt, 87% tal-utenti tal-Internet jużaw il-midja soċjali, speċjalment Facebook.

Apparti japdejtjaw l-istatus tagħhom u  jixxerjaw  ritratti u filmati, li tista’ tgħid huma l-attivitajiet l-aktar komuni marbutin mal-midja soċjali,, il-konsumaturi qegħdin ukoll jikkonsultaw  ma dawn il-mezzi soċjali qabel jiddeċiedu x’ser jixtru.

Madwar wieħed minn kull sitt konsumatur isegwu d-ditti favoriti tagħhom u jaraw  l-kummenti ta’ sħabhom u esperti fuq il-prodott qabel jixtru.

Aktar minn nofs fost dawk kollha li jużaw il-midja soċjali, jagħmlu like jew share tal-prodott, tad-ditta, jew tal-bejjiegħ, u jistennew li jkunu infurmati dwar l-offerti promozjonali.

L-istudju jiżvela wkoll li 31% ta’ dawk li jużaw il-midja soċjali jitfgħu kummenti kemm pożittivi kif ukoll negattivi dwar l-esperjenza li kellhom rigward xi prodott jew bejjiegħ, u għalhekk jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ta’ konsumaturi oħra.

Tendenza oħra li ħarget minn dan l-istudju hija li madwar 78% tal-utenti tal-Internet saru xerrejja diġitali, bil-maġġoranza ta’ dawn jistqarru li xtraw xi ħaġa onlajn fit-tliet xhur ta’ qabel ma sar l-istudju.

Dan jista’ jiġi attribwit għall-livell tas-servizz li qed jingħataw minn ħwienet onlajn, peress li l-maġġoranza tal-konsumaturi diġitali jistqarru li huma sodisfatti bl-esperjenza tagħhom fuq l-Internet.

Iktar min-nofs il-konsumaturi diġitali jippreferu jibdew jagħmlu r-riċerka tagħhom dwar xi prodott u/jew servizz billi jirreferu għall-swieq kummerċjali elettroniċi, filwaqt li 42% ta’ dawn jużaw ukoll is-search engines bħala mezz alternattiv.

19% biss jibdew il-proċess tax-xiri tagħhom mill-ewwel fuq is-search engines. Min-naħa l-oħra, l-ġenerazzjoni żagħżugħa hija l-iktar waħda li taċċessa s-siti tal-bejjiegħa qabel tixtri, imma b’rata ferm inqas  mill- użu li tagħmel  mis-swieq kummerċjali elettroniċi u –search engines.

Il-fatt li n-numru ta’ konsumaturi li jixtru onlajn kif ukoll il-frekwenza li qegħdin jixtru biha qiegħda tiżdied, juri biċ-ċar li l-kummerċ elettroniku qiegħed kulma jmur jikber.

In-numru ta’ konsumaturi li jixtru onlajn darbtejn jew tlieta f’xahar żdied minn 20% fl-2014 għal 33% filwaqt li l-ammont ta’ dawk li jixtru darba f’ġimgħa, illum jilħaq it-13% – żieda, pjuttost sinifikanti, ta’ 3% mill-2014.

L-apparat l-aktar użat minn-80% tal-konsumaturi diġitali għall-xiri onlajn huwa l-laptop/desktop. Dan jidher biċ-ċar fost l-etajiet kollha, speċjalment dawk li għandhom iktar minn 66 sena  (93%) u l-generazzjoni żagħżugħa (85%). 74% jużaw iktar minn apparat wieħed biex jixtru onlajn – iktar min-50% tal-konsumaturi diġitali iħossuhom komdi jużaw l-ismartphone filwaqt li 31% huma komdi bit-tablets. Filwaqt li l-mowbajls jintużaw iktar  mill-generazzjoni żagħżugħa, it-tablets huma iktar popolari mal-baby boomers.  Dan juri li l-konsumaturi qegħdin jibdew japprezzaw il-konvenjenza li jġibu magħhom l-mowbajl u t-tablet: li tista’ tixtri meta trid u minn fejn trid.

Minkejja dan, ftit inqas minn terz tal-konsumaturi diġitali jixtru onlajn minn siti lokali, fejn il-maġġoranza tal-bejgħ huwa ristrett għall-biljetti ta’ l-ajru jew għal xi avvenimenti jew għal ibbukkjar ta’ akkommodazzjoni. Iżda,fuq nota pożittiva, xorta qed naraw  żieda fost l-affarijiet li jinxtraw minn fuq siti lokali. Barraminnhekk, 80% tal-konsumaturi diġitali jistqarru li kieku jkunu iktar mħeġġa jixtru minn siti lokali jekk il-kunsinna tkun offruta b’xejn u/jew issir f’qasir żmien.

Min-naħa l-oħra, ix-xiri onlajn minn fuq siti barranin jibqa ferm popolari mal-Maltin. L-iktar affarijiet li jinxtraw u li dejjem, aktar ma jmur, qegħdin jiżdiedu fost il-konsumaturi, huma l-ħwejjeġ u ż-żraben (77%), ibbukkjar ta’ akkommodazzjoni u biljetti tal-ajru (74%). Arranġamenti oħra tal-ivvjaġġar (kiri ta’ karozzi, eskursjonijiet, trejn/karozzi tal-linja, eċċ.)  żdiedu wkoll, minn 12% fl-2014 għal 59%, u biljetti ta’ avvenimenti minn 12% għal 47% .

Ir-raġuni ewlenija għaliex ċerta konsumaturi joqogħdu lura milli jixtru onlajn huwa minħabba il-fatt li wieħed ma jkunx jista’ jifli u jipprova l-oġġett qabel jixtri. Fatturi oħra li jżommu lill-konsumaturi milli jixtru minn fuq l-Internet u li  ma tantx inbidlu matul is-snin, huma prinċipalment relatati mal-kunsinna u nuqqas ta’ tagħrif dwar kif wieħed jixtri onlajn. Madankollu,  l-ammont ta’ konsumaturi li jsemmu in-nuqqas ta’ sigurtà u nuqqas ta’ interess, jidher li qiegħed jonqos,  sena wara oħra.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend