IL-KAŻ LOWENBRAU F'IDEJN IL-PULIZIJA | One News

Notifiki

IL-KAŻ LOWENBRAU F’IDEJN IL-PULIZIJA

  • Jinġabru files mil-lands bħala parti mill-investigazzjonijiet
  • L-eks Kummisarju tal-Artijiet kien xehed li dan il-każ seta’ jitfgħu l-ħabs

Il-każ Löwenbräu baqa’ jiżviluppa sew anke fil-ġimgħat li matulhom ma bqajniex nisimgħu wisq dwaru. Wara li l-Awditur Ġenerali kkonkluda li d-deputat Jason Azzopardi għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika għad-deal li bih il-Gvern daħħal biss €700,000 għal art ta’ €8 miljuni, il-pulizija baqgħet issegwi l-każ b’attenzjoni.

Il-gazzetta KullĦadd żvelat li minn sorsi fid-Depot stess li din il-ġimgħa l-Pulizija marret fl-Awtorità tal-Artijiet u ġabret il-files kollha relatati mal-għoti tal-art ta’ 21,000 metru kwadru għal somma miżera minn Gvern preċedenti lill-benefattur tal-Partit Nazzjonalista Żaren Vassallo li, xahar wara dan il-ftehim, ta kwart ta’ miljun ewro lill-istess Partit Nazzjonalista.

Huwa mifhum li l-Pulizija se tkun qed tevalwa l-proċess kollu tal-bejgħ bħala parti mill-investigazzjoni tagħha biex ikun stabbilit x’kien hemm wara d-deċiżjoni li l-Gvern jaċċetta valutazzjoni tal-1990 għall-kuntratt li ġie ffirmat fl-2012.

Fost l-iktar fatti li qed iqajmu suspetti hemm il-mod li bih il-gvern preċedenti aċċetta li jinfeda ċ-ċens imma wkoll li jbigħ id-dirett dominju mingħajr riżoluzzjoni Parlamentari. Dan kien ifisser li tisparixxi l-kundizzjoni li dik l-art setgħet tintuża biss bħala birrerija, u b’hekk, Żaren Vassallo seta’ jiżviluppa l-istess art kif irid fl-imperu li nbena llum.

“Dan każ ta’ ħabs” kien qal l-eks Kummissarju tal-Artijiet

Kollox jindika li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija huma wkoll ispirati mix-xhieda qawwija u indikattiva tal-eks Kummissarju tal-Artijiet Albert Mamo f’kawża bejn il-kumpanija Marsovin u l-kuntrattur Żaren Vassallo quddiem l-Imħallef Joseph R. Micallef. Minkejja li kien jokkupa l-ogħla kariga fid-Dipartiment tal-Artijiet, Mamo żvela li dan id-deal sar minn wara dahru. Minflok, tħalla kollox f’idejn id-Direttur Ġenerali li, fi kliem Albert Mamo stess, lanqas kien jaf jagħmel distinzjoni bejn ċens u kera.

Xhur wara li sar jaf bil-kuntratt, kompla jixhed l-eks Kummissarju tal-Artijiet, ħassu ħa jiġġennen u beża’ li se jmur il-ħabs. Spjega kif, skont il-Land Disposal Act, ma setgħet qatt titneħħa l-kundizzjoni li l-art tintuża għal skopijiet differenti minn ta’ birrerija. Għalhekk kien kuntratt illegali.

Żaren Vassallo nnifsu żvela li t-tneħħija tal-kundizzjoni kienet ilha miftehma. F’affidavit, Vassallo qal li huwa kien interessat biss f’dik l-art ġaladarba jkun jista’ jibni li jrid fuqha. Il-Marsovin min-naħa tagħha assiguratu li kellha ftehim mal-Lands u l-Ministru responsabbli li l-kundizzjoni se tkun illiberata. L-Awditur Ġenerali, fir-rapport tiegħu, qal ċar u tond li minkejja ċ-ċaħdiet minn dawk involuti, il-fatti kollha tal-każ juru li l-verżjoni ta’ Żaren Vassallo hija kredibbli.

Il-benefattur tal-Partit Nazzjonalista kompla jiżvela aktar minn hekk. F’xhieda ġuramentata, Żaren Vassallo kixef kif, meta sar magħruf li l-kuntratt kien illegali, mar jitkellem mal-Lands u mal-Ministru responsabbli u r-risposta tagħhom kienet li lesti jpoġġu madwar mejda u jsibu kompromess. Fil-fatt il-kompromess intlaħaq, b’indikazzjoni ċara ta’ intervent politiku.

Għall-bidu, Jason Azzopardi ċaħad li kien hu li ndaħal biex jiġi rranġat kompromess u pprova jitfagħha fuq l-eks Ministru Tonio Fenech. Min-naħa tiegħu l-eks Ministru Fenech qal illi kieku ġie xi ħadd isaqsih għal-laqgħa ta’ dak it-tip kien jibagħtu għand Jason Azzopardi għax effettivament hu kien il-Ministru tal-Lands.

Fil-fatt, is-swaba’ kollha jippuntaw lejn Jason Azzopardi. Id-deputat Nazzjonalista kien saħansitra mgħajjat bħala xhud mill-kumpanija Marsovin fil-kawża li għandha kontra Żaren Vassallo bħala l-uniku Ministru li dak iż-żmien innegozja u ssiġilla l-ftehim tal-Löwenbräu.

L-Awditur talab lil Azzopardi biex jerfa’ r-responsabbiltà

Fir-rapport tiegħu dwar dan il-każ, l-Awditur Ġenerali jiddikjara li Jason Azzopardi għandu jassumi responsabbiltà għal din id-diskrepanza enormi fil-valur tal-art tal-Löwenbräu. Isostni li l-mod kif id-Dipartiment tal-Artijiet ikkonkluda l-ftehim f’temp ta’ ftit jiem kien suspettuż għall-aħħar. Jason Azzopardi kien jaf b’kollox, inkluż bis-somma miżera li l-Gvern kien ħa jdaħħal għal din l-art, u ppermetta li dan id-deal isir bi ksur tal-prinċipji kollha tal-governanza ġusta.

Dan ma kienx l-ewwel każ li fih Jason Azzopardi aġixxa ħażin. L-Awditur Ġenerali kkundannah ukoll għall-indħil tiegħu fl-encroachments li saru fit-tliet xhur ta’ qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, bi prezzijiet iktar baxxi mill-minimu stabbiliti, anke f’lokalitajiet li huma parti mid-distrett elettorali ta’ Jason Azzopardi.

Id-deputat Nazzjonalista kien iffirma wkoll biex Ernest Tonna, uffiċjal tas-sigurtà tal-Partit Nazzjonalista, jingħata garaxx fil-Belt Valletta bl-iskuża li kellu problemi ta’ mobilità u l-garaxx kien viċin tad-dar tiegħu.

Proprju bħalissa l-Awditur Ġenerali qed jinvestiga wkoll il-każ tal-Fekruna li fih l-istess Jason Azzopardi ftit qabel l-elezzjoni ġenerali approva deal ta’ €4.3 miljun li permezz tiegħu biċċtejn art fis-Swieqi u l-Kappara li jesgħu 11-il propjetà lussuża ngħataw lill-partitarju Nazzjonalista tal-qalba bi tpartit ta’ art li kienet ħames darbiet inqas fid-daqs.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend