L-UE b'idha iebsa mar-Renju Unit | One News

Notifiki

L-UE b’idha iebsa mar-Renju Unit

F’konferenza tal-aħbarijiet f’pajjiżna, il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk flimkien mal-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbru l-linji gwida li se tkun qed issegwi l-Unjoni Ewropea fin-negozjati mar-Renju Unit wara li l-Erbgħa Theresa May skattat Artiklu 50 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea.

“Jeħtieġ li matul dawn in-negozjati, l-Unjoni Ewropea tinnegozja bħala 27 membru Stat unit.” Dan qalu fl-indirizz tiegħu, l-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk fejn spjega li issa r-Renju Unit jinsab fuq in-naħa l-oħra tal-mejda tan-negozjati u li t-trattat ta’ Lisbona jagħti biss żmien ta’ sentejn biex jintlaħaq ftehim.

Il-linji gwida jżommu fil-prijorità tagħhom iċ-ċittadini, in-negozji u l-istati membri u għalhekk se jkun qed jiġi assigurat li t-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni ma jħalliex effetti negattivi fuqhom. Filfatt, il-linji gwida jassiguraw li l-Unjoni Ewropea tikkontrolla l-inċertezza li ġġib magħha BREXIT.

In-negozjati se jkunu kostruttivi u se jaraw li jintlaħaq ftehim li jinkludi l-interessi kemm tar-Renju Unit u kif ukoll tas-27 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea. Huwa stqarr li dawn in-negozjati mhux se jkunu faċli u eskluda kategorikament li se jkun hemm diskussjonijiet paralleli dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u r-relazzjoni ġdida li se jkollha mal-Unjoni Ewropea.

Il-linji gwida jinkludu, fost oħrajn, li sa mill-ewwel fażi tan-negozjati r-Renju Unit jonora id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet li għandu bħala stat membru bl-għan li jkun hemm aktar ċertezza legali għaċ-ċittadini, negozji, entitajiet relevanti u sieħba internazzjonali dwar l-effetti ta’ BREXIT.

Il-linji gwida jinkludu ukoll l-aspett finanzjarju li dwaru kien hawn ħafna diskussjonijiet.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-linji gwida li ppreżenta Tusk huma kostruttivi u li minkejja n-negozjati mhux se jkunu faċli din mhux se tkun “gwerra” iżda se jiġi assigurat li r-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea jkollhom relazzjoni pożittiva.

Saħaq li ċ-ċittadini m’ għandhomx bħala oġġett ta’ negozjar u li l-ewwel prijorità għandha tkun li tingħata tweġiba għal mistoqsijiet taċ-ċittadini. Fl-indirizz tiegħu l-Prim Ministru qal li l-effetti ta’ BREXIT fuq l-Irlanda ta’ Fuq qed jiġu trattati b’sensittivita u li l-Unjoni Ewropea qed tħares lejn soluzzjonijiet innovattivi biex tiġu assigurata paċi u stabbilità.

Meta mistoqsi mill-ġurnalisti dwar l-għidud li May se tuża s-sigurtà bħala arma ta’ negozjar, Muscat u Tusk ċaħdu li dan huwa minnu u li s-sigurtà tal-Ewropej kollha hija prijorità assoluta komuni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend