"Mingħajr alkoħol, ġismi kien jibda jirtogħod" | One News

Notifiki

“Mingħajr alkoħol, ġismi kien jibda jirtogħod”

“Jiena kont niflaħ ħafna għalih ix-xorb. Kont niffunzjona normalment, imma ġismi kien jibda jirtogħod allura jien biex nikkalma kien ikolli bżonn l-alkoħol. Għax tant kont sirt dipendenti fuqu li kienu jiġu dawk il-mument li rrid nixrob bilfors, inkella ma nibqax niffunzjona.”

Hekk kienet tħossha Joanna li sa ftit tas-snin ilu kellha l-flixkun tal-whisky jiddettala ħajjitha. Membru tal-Alcohol Anonymous, Joanne irrakkontat dak li għaddiet minnu tul snin ta’ diffikultà kbira.

“Jiena trabbejt f’familja fejn l-alkoħol kien ħaġa normali ħafna. Jiena llum wasalt għas-60 jiġifieri qed nitkellem 40 sena ilu. Aħna d-dar kulħadd kien jixrob. U l-alkoħol kien il-ġabra tal-familja,” tgħid Joanne li tirrakkonta kif grokk mal-mejda tal-ikel ta’ kull filgħaxija kien ħaġa normali. Mhux konxja li ftit ftit kienet qed issir dipendenti fuq l-alkoħol, bdiet iżżid il-konsum meta waslet fl-età tal-ħruġ.

“Sakemm wasalt f’punt fejn qabel noħroġ għax-xogħol filgħodu, jekk ma nieħux żewġ grokkijiet tajbin whisky, ma kontx inkun nista niffunzjona. Jiġifieri l-alkoħol tant kien ħakimni, illi jien ma stajtx niffunzjona jekk ma jkollix l-alkoħol ġo ġismi,” żiedet tirrakkonta. Kien hawn li fehmet kif il-problema saret anke mentali. “Għax jibda jaħkimlek anke l-mod kif tirraġuna, kif taġixxi man-nies ta’ madwarek, issir iktar egoista. Jiena mal-familja sirt iktar egoista għax l-ewwel u qabel kollox kien kemm nista’ nixrob u fejn nista’ nixrob u xejn iktar ma kien daqshekk importanti, la l-familja, la l-ħbieb, ħadd,” tkompli tispjega.

Qalet li bdiet titlef il-ħbieb u l-kuntatt mal-famija beda sejjer għall-agħar. “Hekk jiġrilek meta tkun indannata għax-xorb,” saħqet il-mara li staqsejtha għaliex tqis lilha nnifisiha alkoħolika. “Mhux kulħadd iħobb drink żejjed?” kienet il-mistoqsija.

“Id-differenza bejn alkoħoliku u xi ħadd li jkun jixrob normali hija li l-alkoħoliku jrid jibqa’ jixrob, jibqa’ jixrob, jibqa’ jixrob sakemm jisker,” fissret Joanna.

Problema ġġib lill-oħra. Flixkun whisky kuljum ma jinxtarax bix-xejn u Joanna kienet ċara kristall dwar dan ukoll: “Kont nippreferi noqgħod mingħajr xi ħaġa x’nilbes imma basta jkolli l-alkoħol ghax meta jaħkmek, hu biss isir importanti f’ħajtek.” Mhux hekk biss. Joanna tispjega kif ma kienx ikun biżżejjed li fejn se tmur ikun hemm l-alkoħol. Kellu jkun hemm biżżejjed.

“L-alkoħol jagħmlek diżonesta. Biex tixrob, tigdeb u tħawwad u tgerfex basta tasal fejn trid tasal inti u taf inti, l-alkoħol issibu pereżempju jew… jiena minn jaf kemm kien ikolli okkażjonijiet u ngħid li ma niflaħx biex ma mmurx għax jekk kont inkun naf li f’dak il-post ma kienx se jkun hemm biżżejjed alkoħol, li jien nista’ nixrob kemm irrid, kont nevita li mmur,” tistqarr il-mara li llum qed taqsam magħna din l-esperjenza biex tiftaħ l-għajnejn.

Quddiem dan kollu kienu jiġu mument ta’ realizzazzjoni. Ħinijiet fejn tifhem li l-affarijiet mhumiex qegħdin sew. Iżda, ma kienx faċli tfittex l-għajnuna.

“Kienet diffiċli ħafna għax ħadd ma jieħu gost jammetti li għandu problema. Ma tantx xtaqt u allura pruvajt nieqaf waħdi. Kont konvinta li waħdi stajt negħlibha l-problema. U kemm-il darba għamilt xhur sħaħ ma nixrobx għax kont naf li kelli problema però ma ridtx nammettiha. U wasalt f’sitwazzjoni fejn indunajt. Taf inti, taqra u tisma’ fuq nies li mietu kawża tal-alkoħol jew ħabtu bil-karozza u tfarrku. U jiena wkoll tfarrakt xi darbtejn bil-karozza u tibda ssir konxja. Tibda tgħid li jien ma nistax nibqa’ sejra hekk,” tirrimarka l-mara li fissret kif hawn bdiet it-triq lejn il-kmamar tal-AA.

Joanna, li temmen li wieħed ikun destinat li jaqbad il-vizzju, qalet li hemm sabitha komda għax ħadd ma jiġġudika, anke għaliex ħafna jkunu għaddew mill-istess esperjenza: “Ħadd ma jista jifhem alkoħoliku daqskemm jista’ jifhmu alkoħoliku ieħor. Għax jien pereżempju r-raġel tiegħi ma jifhimx x’inhi l-problema għax hu ma jixrobx. Dan aħna għandna programm ta’ 12-il pass. Mhux programm diffiċli. Tagħmlu mgħaġġel jew bil-mod kemm trid int għax m’għandniex eżamijiet fl-aħħar tas-sena, u l-passi huma sempliċi ħafna. L-ewwel wieħed huwa l-iktar wieħed kruċjali. Li jiena nammetti li l-alkoħol rikibni u ma nistax iżjed immexxi ħajti, jiġifieri li nammetti li għandi problema. Dak huwa l-ewwel pass. Wieħed jagħmel l-ewwel pass u minn hemm ikompli l-oħrajn.

Jien erġajt ħadt il-kontroll ta’ ħajti lura,” qalet Joanna li ħeġġet lil min jaħseb li jinsab f’diffikultà jagħmel kuntatt mal-AA.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend