MAY tiffirma l-ittra li se twassal għal BREXIT | One News

Notifiki

MAY tiffirma l-ittra li se twassal għal BREXIT

Il-Prim Ministru Theresa May iffirmat l-ittra li formalment tibda l-proċess ta’ tluq mill-Unjoni Ewropea. In-notifika uffiċjali li titlob li jidħol fis-seħħ Artiklu 50 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, se tiġi preżentata lill-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk għall-ħabta tas-13.30pm. Nistgħu ngħidu li għajnejn id-dinja huma kollha fuq ir-Renju Unit, hekk kif jixhdu l-faċċati tal-gazzetti.

Huwa mistenni li wara li jibda l-proċess ta’ BREXIT, li se jkun qed jara lir-Renju Unit joħroġ minn relazzjoni ta’ madwar 40 sena, l-Prim Ministru May se tgħid lill-Membri Parlamentari Ingliżi li “dan huwa l-mument li l-pajjiż jingħaqad.”

Fl-aħħar xhur, il-kwistjoni BREXIT baqgħet fil-quċċata tad-diskussjonijiet tal-pajjiżi membri, wara r-referendum li sar f’Ġunju li ddeċida l-futur tar-Renju Unit, futur li se jkun qed jara r-Renju Unit jinħall mir-rabtiet Ewropej.

L-ittra ta’ notifika se tiġi preżentata mir-rappreżentant permanenti tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea, Tim Barrow. Ittra li tiskatta Artiklu 50, biex b’hekk jibdew in-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit dwar il-kundizzjonijiet ta’ dan id-divorzju.

Il-Prim Ministru se tkun qed tagħmel diskors f’laqgħa tal-kabinett li matula se tkun qed tikkonferma li l-proċess ta’ BREXIT beda. Se tkun qed tispjega ukoll il-kontenut tal-ittra preżentata.

Ladarba l-ittra tiġi aċċettata, jiskatta Artiklu 50, biex b’hekk dan il-proċess deskritt bħala ‘storiku’ jibda.

Proċess li se jkun qed jaffettwa r-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi membri u r-Renju Unit, filfatt fl-aħħar ġimgħat il-Prim Ministru Malti, Joseph Muscat tkellem dwar il-pożizzjoni ta’ Malta. Iżda n-negozjati li se jkunu qed isiru fil-jiem li ġejjin se jiddeterminaw dawn ir-relazzjonijiet.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend