"Bidu tajjeb għal ġurnata kerha" – JM dwar l-ittra ta' Theresa May | One News

Notifiki

“Bidu tajjeb għal ġurnata kerha” – JM dwar l-ittra ta’ Theresa May

It-ton tal-ittra ta’ Theresa May li skattat Artiklu 50 tat-Trattat u allura Brexit, hija relattivament kostruttiva.

Fl-ewwel reazzjoni li ta’ l-Prim Ministru Joseph Muscat dwar Brexit qal li minn dak li hu infurmat minn Brussel jemmen li fl-aħħar mill-aħħar hemm rieda ġenerali bejn l-Istati Membri li n-negozjati jkunu franki u proattivi.

Minkejja li hemm ħafna xi jkun maqbul, fi żmien relattivament qasir, jekk kull Stat iżomm il-prijoritajiet tiegħu ċari u kulħadd iżomm mal-iżmien stipulat maqbul, ir-riperkussjonijiet ta’ Brexit ikunu kkontrollati.

L-ittra ta’ Theresa May hija “a good start for a bad day”- qal Muscat.

F’ konferenza tal-aħbarijiet mal-Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy, wara laqgħa bilaterali bejn iż-żewġ mexxejja, bla dubju iddominat it-tema Brexit. Biż-żewġ mexxejja jaqblu li se jkunu qed jagħmlu dak kollu possibbli biex ikunu ssalvagwardjati l-interessi taċ-ċittadini Ewropej li jgħixu fir-Renju Unit u l-kumpaniji Ewropej li nvestew fil-pajjiż ukoll.

Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru Spanjol enfasizza fuq ir-relazzjoni bilaterali, li ddeskriva bħala ‘eċċellenti’ bejn Malta u Spanja fejn stqarr li hu ċert li din il-koperazzjoni tista biss tissaħħaħ.

Rajoy aċċenna wkoll fuq l-irwol kruċjali tal-Presidenza Maltija, li fi kliemu, qed titmexxa vl-aħjar mod minkejja li qed jiġru affarijiet ta’ importanza internazzjonali li huma ta’ sfida fuq il-futur tal-Unjoni.

Il-Prim Ministru Spanjol stieden lil Muscat biex fiż-żmien li ġej iżur Spanja fejn id-diskussjonijiet bilaterali jissoktaw.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend