Issa sar eħfef biex tmur ir-Rumanija | One News

Notifiki

Issa sar eħfef biex tmur ir-Rumanija

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta nieda t-tieni rotta ġdida tiegħu għas-sajf 2017 ilbieraħ filgħaxija. L-ewwel passiġġieri minn Cluj-Napoca fir-Rumanija ntlaqgħu minn żeffiena lebsin il-kostum tradizzjonali Malti u ġew mistednin jaqsmu kejk li sar apposta għall-okkażjoni.

It-titjiriet, li jieħdu madwar siegħa u nofs, lejn it-tieni l-aktar belt popolata fir-Rumanija ser ikunu qed jiġu operati minn Wizz Air kull nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ħadd.

Din ir-rotta qed tgħaqqad ukoll għall-ewwel darba lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mar-reġjun ta’ Transylvania, li huwa mdawwar bil-Muntanji Karpazjani u mfittex għall-pajsaġġi xeniċi tiegħu u l-irħula medjevali.

Żewġ postijiet ta’ interess fi Cluj-Napoca huma l-Mużew Nazzjonali tal-Arti, li fih hemm esebiti kollezzjoni ta’ armi u arti li tmur lura għall Medju Evu, u l-Mużew Nazzjonali tal-Istorja ta’ Transylvania, fejn wieħed jista’ jgawdi numru ta’ esebizzjonijiet permanenti u oħrajn temporanji.

Qabel l-introduzzjoni ta’ din ir-rotta, il-passiġġieri setgħu jivvjaġġaw lejn ir-Rumanija permezz ta’ titjira diretta ta’ Wizz Air lejn il-kapitali, Bucharest.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend