L-Università timplimenta bidla mistennija minn persuni bl-awtiżmu – One News

Notifiki

L-Università timplimenta bidla mistennija minn persuni bl-awtiżmu

Is-senat tal-Università ta’ Malta implimenta bidla fir-regoli tal-istess istituzzjoni edukattiva bil-għan li studenti bl-Awtiżmu u diffikultajiet oħra ta’ tagħlim ma jibqgħux isibuha diffiċli jidħlu l-Università. Studenti akkademikament tajbin iżda li għandhom dawn it-tip ta’ kundizzjonijiet kienu jsibuha diffiċli għalix fl-eżami tas-SEC (magħrufa aħjar bħala O Levels) kienu jmorru ħażin f’xi suġġett partikolari. Dan kien iwassal biex meta jiġu għall-Università jibqgħu barra anke jekk ikunu marru tajjeb f’eżamijiet oħra saħanistra f’livell avvanzat.

Għalkemm il-Ministeru tal-Edukazzjoni ilu għal dawn l-aħħar ftit snin jargumenta li hu favur din il-bidla, l-università li hija awtonoma, dejjem irreżistiet. Peró jidher li t-tmexxija l-ġdida fehmet dawn il-ħtiġijiet u għalhekk imbuttat ‘il quddiem klawsola ġdida fir-regoli tal-Università li se tibda tgħodd minn Ottubru tas-sena d-dieħla. Il-pro rettur tal-Università, Carmen Sammut, iddeskriviet dan kollu bħala “ġurnata importanti fl-ekwità edukattiva” u kitbet kif kull applikazzjoni se tkun meqjusa fuq il-mertu tagħha.

Id-deċiżjoni ttieħdet wara konsultazzjoni ma’ esperti, NGOs u imsieħba oħra li taw pariri tul il-konsultazzjoni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend