Diversi attivitajiet mħejjija mill-banda San Gejtanu għal matul il-Ġimgħa l-Kbira – One News

Notifiki

Diversi attivitajiet mħejjija mill-banda San Gejtanu għal matul il-Ġimgħa l-Kbira

Programm estensiv ta’ attivitajiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa tħejja mill-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu.

L-attivitajiet se jkunu qed jiftħu nhar it-Tlieta, 4 ta’ April meta ġewwa l-Każin San Gejtanu tiġi miftuħa uffiċjalment wirja ta’ Arti Sagra b’xogħlijiet tal-artist Antonio Mifsud. Din il-wirja tibqa’ miftuħa sal-Ġimgħa l-Kbira.

Il-Ħamis, 6 ta’ April, lejlet id-Duluri, il-Banda San Gejtanu diretta minn Mro. Jonathan Borg se tesegwixxi l-Programm Mater Dolorosa fil-Knisja ta’ San Franġisk, il-Belt Valletta. Waqt dan il-programm se jagħtu s-sehem tagħhom s-sopran Claire Caruana u t-tenur Georg Zammit. Marlene Abela u Carmel Serracino iwasslu l-parti letterarja tas-serata. Din tibda fis- 6.45pm

It-Tlieta, 11 ta’ April il-Banda San Gejtanu se tkun qed takkumpanja b’daqq ta’ marċi funebri l-pellegrinaġġ tar-Redentur li jsir minn Blata l-Bajda sal-Knisja Parrokjali ta’ San Gejtanu.

L-attivitajiet jissoktaw nhar Ħamis ix-Xirka meta l-Għaqda torganizza l-Viti tas-Sepulkru biex imbagħad nhar Ħadd il-Għid il-Banda San Gejtanu fit-8.30 ta’ filgħodu tesegwixxi l-marċ ta’ sbieħ Jum l-Għid li fi tmiemu t-taqsima KidZ & TeenZ Tamlin jippreżentaw figolli maħduma minnhom stess lit-tfal tal-istituti.

Sadanittant mill-Ħadd, 2 ta’ April, il-Banda San Gejtanu se toħroġ għall-bejgħ CD b’sett ta’ valzi tal-Għid kompożizzjoni ta’ Mro. Ray Sciberras, liema valzi huma proprjeta’ tal-istess Għaqda Mużikali. Din is-CD tinkiseb mill-Każin San Gejtanu.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend