Schweinsteiger mhux se jibqa' jilbes il-flokk tal-Manchester United | One News

Notifiki

Schweinsteiger mhux se jibqa’ jilbes il-flokk tal-Manchester United

Il-ġganti Ingliżi Manchester United aċċettaw li jħallu lill-Ġermaniż Bastian Schweinsteiger jingħaqad ma’ Chicago Fire, tim li jilgħab fil-kampjonat Amerikan, il-Major League Soccer.

Il-ftehim bejn iż-żewġ klabbs intleħaq it-Tnejn u huwa suġġett għal eżami mediku u applikazzjoni tal-visa. Skont rapporti fil-midja, l-eks captain tat-team nazzjonali Ġermaniż iffirma kuntratt ta’ sena, u qed jingħad li se jaqla ¢4,500,000.

F’filmat imxandar fil-midja soċjali, Schweinsteiger qal li huwa xtaq li jagħti iktar lit-team Ingliż, iżda ħass li kien wasal il-mument li jagħmel bidla. Irringrazzja lill-partitarji ta’ Manchester United għas-sapport tagħhom, xi ħaġa li skont hu mhux se jinsa.

Sostna li jinsab onorat li kien jifforma parti minn dan it-tim fil-karriera tiegħu. Schweinsteiger, li kien mexxa lill-Ġermanja għar-rebħ tat-Tazza tad-Dinja fl-2014, kellu diġa’ diskussjonijiet ma’ Chicago Fire is-sena l-oħra, iżda huwa kien għażel li jibqa’ ma’ United.

Madanakollu, il-klabb Amerikan talbu li l-plejer ta’ nofs il-grawnd jingħaqad magħhom issa, u hekk kif ftit li xejn kellu ċans li jilgħab mat-tim tal-Premier League, ingħata l-permess li jitlaq.

Għall-eks captain Ġermaniż, il-ħajja f’Manchester xejn ma kienet faċli. Huwa inġieb f’Lulju tal-elfejn u ħmistax minn Louis van Gaal, u minn meta Jose Mourinho ħa f’idejh it-tmun tat-team, il-Ġermaniż ftit li xejn lagħab, u anke tħarreġ waħdu jew mat-team ta’ taħt it-23 sena.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend