Ġurnata b’differenza għal tfal morda bil-kanċer – One News

Notifiki

Ġurnata b’differenza għal tfal morda bil-kanċer

Grupp ta’ 20 tifel u tifla morda bil-kanċer nhar is-Sibt gawdew minn nofstanhar speċjali mimli attivitajiet ta’ divertiment fil-Park tal-Majjistral grazzi għal attività organizzata mill-Park u minn BirdLife Malta flimkien.

L-attività – Let’s have fun together – saret fuq talba ta’ ġenitur li kkuntattja lill- Park tal-Majjistral bl-iskop li dawn it-tfal jingħataw l-opportunità jirrelataw man- natura. Numru ta’ organizzazzjonijiet oħra għażlu li jappoġġjaw dan l-avveniment billi offrew is-servizzi tagħhom bla ħlas.

It-tfal qamu kmieni; u fid-9am kienu diġà waslu fil-park u bdew jippreparaw il- pizza bl-ingredjenti favoriti tal-għażla tagħhom. Malli lestew minn dan, imxew lejn zona tal-park li ġiet armata apposta għalihom biex jieħdu sehem f’logħob edukattiv u logħob ieħor b’tema marbuta mal-konservazzjoni tan-natura u l-ambjent li tħejja minn BirdLife Malta u minn voluntieri tal-park stess.

Għal dawk li xtaqu jkunu xi ftit aktar avventurużi u jagħmlu sforz fiżiku akbar, tħejja wkoll zip-line.

Waqt li t-tfal ta’ età ikbar kienu għaddejjin b’din l-attività partikolari, iż-żgħar ingħataw l-opportunità li jżuru razzett fil-qrib immexxi mill-bdiewa tal-Manikata fejn setgħu jaraw u jitimgħu lill-annimali. Il-Koperattiva Rurali Manikata ġentilment aċċettat li tiftaħ il-bibien tar-razzett tagħha għal din l-okkażjoni.

L-għodwa mimlija divertiment għal dawn it-tfal ġiet fi tmiemha b’ikla fiċ-Ċentru tal-Viżitaturi tal-Park tal-Majjistral li ġiet servuta fis-1pm. It-tfal kielu l-pizza li kienu ppreparaw huma stess aktar kmieni waqt li l-ġenituri tagħhom kielu l-għaġin.

Radd ta’ ħajr speċjali jmur għal dawk kollha li kkontribwew biex jagħmlu din l- attività suċċess u biex jaraw lit-tfal kuntenti jgawdu l-ġurnata – MOCO Malta għall- ikel li pprovdew, MC Adventure għaż-zip-line u l-Koperattiva Rurali Manikata li fetħet ir-razzett tagħha lit-tfal.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend