Alfred Sant KONTRA li Malta tieħu sehem fil-politika Ewropea ta' difiża u sigurtà | One News

Notifiki

Alfred Sant KONTRA li Malta tieħu sehem fil-politika Ewropea ta’ difiża u sigurtà

Alfred Sant qal li Malta hija pajjiż newtrali u mhux se jaqbel li tieħu sehem fil-politika Ewropea  ta’ difiża u sigurta` kif proposta mill-UE. Pajjiżi newtrali fi ħdan l-Unjoni Ewropea jistgħu wkoll jiddeċiedu li ma jipparteċipawx kompletament jew parzjalment f’din il-politika. Alfred Sant qal dan fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu qabel  ivvota kontra riżoluzzjoni li tagħti qafas lill-istrutturi politiċi u militari tal-UE. Dr Sant qal li din il-proposta se tkompli tagħti saħħa lill-qawwiet militari tal-pajjiżi l-kbar tal-Ewropa a skapitu tal-membri stati ż-żgħar tal-UE.

Dr Sant qal li politika komuni ta’ difiża u sigurtà hija tentazzjoni għall-istati membri, iżda din aktarx tkun kontro-produttiva. Din l-inizjattiva mhux se tirxoxta l-entużjażmu għal aktar għaqda Ewropea iżda se żżid id-diverġenzi bejn l-istati membri tal-UE.

“Ikun jaqbel li l-UE tikkonċentra fuq miżuri ta’ sigurta` koordinati fi ħdan it-territorju Ewropew dwar it-terroriżmu, l-immigrazzjoni u s-sorveljanza. B’hekk naħsdu r-riżultati f’qasir żmien, inkunu politikament popolari u faċilment nikkomunikaw  man-nies.

Politika ta’ difiża komuni żżid l-importanza militari tal-pajjiżi l-membri l-kbar. Dan ikompli jżid in-nuqqas ta’ fiduċja bejn l-istati membri li ‘jiddominaw’ u l-istati membri li huma s-‘segwaċi’. Intant, pajjiżi newtrali jistgħu jiddeċiedu li ma jiħdux sehem kompletament jew parzjalment f’din il-politika.

Il-prospett ta’ livelli differenti  ta’ sħubija fost il-pajjiżi membri, tgħin biex iżżid il-firda li, fost problemi oħra, qed taffettwa lill-proġett Ewropew,” qal l-Ewroparlamentari Malti.

Ir-riżoluzzjoni ‘Implikazzjonijiet kostituzzjonali, legali u istituzzjonali ta’ Politika Komuni ta’ Sigurtà u Difiża: possibilitajiet li joffri t-trattat ta’ Lisbona’ għaddiet b’360 vot favur, 212 kontra u 48 astensjoni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend