ŻVILUPPI ĠODDA DWAR IL-QTIL FIL-MARSA | One News

Notifiki

ŻVILUPPI ĠODDA DWAR IL-QTIL FIL-MARSA

Aaron Cassar, li kien ma’ Sylvester Farrugia li fi Frar li għadda nqatel fi Triq Simpson il-Marsa, fl-età ta’ 25 sena ma ngħatax ħelsien mill-arrest.

Huwa qed jiġi akkużat b’attentat ta’ ħruq ta’ dar u serq ta’ karozza. L-investigaturi għarfu lil Cassar minn fuq filmat tas-CCTV u fl-aħħar ġimgħat kien interrogat mill-Pulizija wara l-ġbir ta’ aktar evidenza forensika, li dettalji dwarha ma ngħatawx fil-Qorti.

Cassar huwa wieħed mit-tliet suspettati b’involviment f’dan l-attentat ta’ ħruq tar-residenza ta’ Deniro Magri fi 12 ta’ Frar, fil-ġurnata li Farrugia nqatel. L-akkużat, Aaron Cassar, kien ukoll instab ħati li seraq karozza Toyota Starlet mill-Belt Valletta f’Novembru fl-2016 u li seraq il-pjanċi ta’ reġistrazzjoni ta’ karozza Toyota Vitz f’Ħal Luqa, ħamest ijiem wara s-serq tal-imsemmija karozza. Fil-Qorti Cassar qal li m’għandux impjieg u li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Min-naħa tiegħu l-Ispettur Keith Arnaud spjega fil-Qorti li Cassar ġie akkużat wara li ġie identifikat minn filmat CCTV li fih jidher jakkumpanja lil Sylvester Farrugia. L-evidenza forensika li nġabret din il-ġimgħa tissuġġerixxi l-involviment ta’ Cassar li kien liberat fuq numru ta’ kundizzjonijiet mill-erbatax ta’ Frar.

L-avukat difensur, Martin Fenech, qal li l-Qorti kull ma kellha kienu biss allegazzjonijiet li l-Pulizija kellha evidenza forensika. ” Huwa kien fuq ħelsien mill-arrest fuq numru ta’ kundizzjonijiet għal tul taż-żmien li matulu wera li huwa persuna li jista jiġi fdat,” spjega l-avukat difensur.

Il-Qorti saqsiet jekk Cassar kienx ikoppera mal-Pulizija, u ntqal li huwa żamm ħalqu mitbuq quddiem il-mistoqsijiet tal-Pulizija u li ċaħad l-involviment tiegħu f’dan il-każ.

Aaron Cassar, residenti Ħal Kirkop, huwa magħruf sew mal-Pulizija hekk kif għandu fedina penali twila tlettax-il paġna. L-avukat difensur Fenech, argumenta fil-Qorti li l-klijent tiegħu ma kienx akkużat b’reati serji liema argument għalih wieġeb il-Maġistrat Joe Mifsud.

“Jiġifieri jiena m’għandiex nikkunsidra l-fedina penali ta’ tlettax-il paġna? Is-soċjetà m’għandiex tiġi protetta?” wieġeb Mifsud. Quddiem dawn l-akkużi, Cassar inżamm arrestat.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend